F’dawn l-ewwel mitt jum minn wara l-elezzjoni, il-PN irid jieħu deċiżjonijiet importanti li jiddeterminaw jekk jerbaħx l-elezzjoni li ġejja jew le

Il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu sena li fiha irid jixtar sewwa xi ġralu fl-elezzjoni li għaddiet. Għandu sena quddiemu li fiha irid jipprova isib l-enerġija u l-entużjażmu neċessarji biex għal darba oħra jipprova joħroġ lill-partit minn dan l-isqaq li daħal fih. Ser tkun sena li fiha jrid jipprova jibdel il-modus operandi tiegħu. Imma d-deċiżjoni l-aktar importanti jrid jittieħdu f’dawn l-ewwel mitt jum minn wara l-elezzjoni. Dawn ser jiddeterminaw jekk dan il-partit jerbaħx l-elezzjoni li jmiss jew le.

Ser ikollu fil-bidu ta’ din is-sena jaħtar kap ġdid jew jikkonferma li hemm. Dak li huwa neċessarju li min jilħaq kap jifhem li jrid jgħaqqad u jkun kapaċi jilqa’ għall-ikbar sfida li ser ikollu. B’hekk f’dawn l-ewwel mitt jum iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet jekk Bernard Grech jibqax kap jew le. Kollox jidher li Grech irid jibqa’.

Issa li r-riżultat tħabbar u ċ-ċelebrazzjonijiet għaddew. Huwa obbligu ta’ kulħadd li jxammar biex jibda’ jaħdem għal ġid ta’ dan il-pajjiż. Il-Gvern irid mill-ewwel jagħraf dak li hu neċessarju għal pajjiżna. Jagħraf dak li hu ta’ ġid u li jrid isir fil-futur qarib għall-ġid tal-poplu kollu.

Il-Partit Nazzjonalista jrid ukoll ixammar u jixtarr r-riżultat b’reqqa kbira u fuq kollox b’umilta’. Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun onest miegħu nnifsu jrid jifhem li ma fadalx żmien għal ġlied intern, ma jistax jibqa’ joħloq diviżżjonijiet fi ħdanu stess. Dan irid jagħmlu b’rispett lejn il-partitarji tiegħu u lejn pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jrid iħares il-barra minnu nnifsu u jiftakar li bħala Oppożizzjoni għandu dover kostituzzjonali x’iwettaq u x’jaqdi. F’din is-sena li ġejja l-Partit Nazzjonalista jrid bil-fors irażżan lid-dissidenti li għandu fi ħdanu. Dawn iridu jew jirtiraw jew jirtirawhom. Dawn in-nies diviżivi fi ħdanu jridu, jew jitgħallmu jiġbdu l-ispaga mal-partit jew jiġu emarġinati u jitwarrbu bil-pulit.

Il-partitarji Nazzjonalisti jridu jwasslu messaġġ li mhumiex ser jippermettu aktar atti diviżivi fi ħdanhom. Jridu jiddixxiplinaw lil min mingħalih għandu xi dritt fuq il-partit. Iridu jingħaqdu wara kap li lest li jismagħhom u jimxi fuq kliemhom u mhux fuq it-twebbis ta’ rashom. Għalhekk jien konvint li Bernard Grech għandu jirtira mit-tiġrija biex dan kollu jkun jista’ jseħħ.

Il-Partit Nazzjonalista jrid bil-fors jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi, jieqaf milli jbiegħed nies minn ħdanu, jieqaf iwarrab nies validi u fuq kollox jkun umli li jinża’ mil-libsa supperva li libes f’dawn l-aħħar xhur. Biss xorta waħda dawn id-deċiżjonijiet mhux ser ikunu faċli allavolja huma tant importanti għall-Partit Nazzjonalista minħabba l-istat li qiegħed fih bħalissa.

Il-problema prinċipali li jrid jaħdem fuqha kemm jista’ jkun malajr, hija il-messaġġ perikoluż u dittatorjali li għadda Bernard Grech meta ddikjara, sal-bieraħ stess, li jrid jibqa’ kap. Dan il-messaġġ mhux mistenni sar mingħajr ma saret xi konsultazzjoni ma xi ħadd. Dan żgur ma qabadx u fajjar minn żniedu bħal ma għamel f’dawn l-aħħar sena u nofs kemm ilu kap. Dan għad għandu min jiġbidlu l-ispag. Hija xi ħaġa li tbellħek kif wara telfa bħal dik, Bernard Grech ma kellux id-diċenza li joffri r-riżenja tiegħu.

Dan il-messaġġ ħalla lill-ħafna partitarji diżillużi għax b’dak li qal Bernard Grech wera li lanqas demokrazija ma jaf xi tfisser. Messu ilu li tefa’ r-riżenja tiegħu. Issa jekk iħoss li jrid jibqa’ għandu għall-inqas iħalli f’idejn it-tesserati biex jaraw jekk iriduhx jew le. B’konferma ta’ vot biss tal-Kunsilliera jkun ifissir disfatta oħra kbira għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet li ġejjin.

F’din is-sena li ġejja għandhom ikunu t-tesserati li jitkellmu. B’hekk dawn huma deċiżjonijiet li jridu jitteħdu f’dan il-mitt ġurnata. Issa għandha tittieħed id-deċiżjoni li t-tesserati għandhom bi ħġarhom juru x’iridu għall-futur tal-partit tagħhom. Għandhom ikunu huma li jagħżlu kap li jridu li jmexxihom fil-ħames snin li ġejjien. Iridu jkunu huma, f’din is-sena li għandhom quddiemhom li wara li jagħżlu, jkunu ċerti li ma titfaċċax xi klikka oħra li teqred dak li jkunu vvutaw għalih. It-tesserati jridu juru li l-Partit huwa tagħhom u mhux ta’ xi erbgħa li min għalihom għandhom xi dritt divin li jibqgħu hemm għax hekk iridu huma.

Tesserati Nazzjonalisti qumu minn hemm u uru kemm u kif u kemm verament tħobbu l-Partit tagħkom u tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *