Imn’alla kien hemm l-astensjonijiet fost il-Lejber għax it-telfa tal-PN kienet tkun ikbar: jekk il-PN irid jirkupra, jrid jibda jaħdem minn issa

Kull Partit irid jibda jieħu nota ta’ kemm votanti abbandunaw id-dritt tagħhom tal-vot u bagħtu sinjal ta’ protesta liż-żewġ partiti l-kbar. Kieku dawn ħarġu jivvutaw, l-istorja kienet tkun differenti u d-distakk kien ikompli jikber għaliex il-vot tal-protest kontra l-Lejber kien kbir.

Mela hawn għandna art fertili għall-Partit Nazzjonalist fejn jista’ jaħdem. Imma l-ewwel irid iqum mid-daqqa tal-mewt li ħa u b’xi mod jerġa’ jsib is-sens li jara, jistudja u janalizza eżattament x’qed jiġri fil-partit u għaliex qed ikun abbandunat mill-elettorat.

F’din l-elezzjoni inkiser ukoll il-perċentwali ta’ voti invalidi li żdied bil-qawwi. Żdiedu l-voti lill-partiti ż-żgħar. Dawn huma votanti li qed jibagħtu messaġġ b’saħħtu lill-politiċi. Fi kliem ieħor kien hemm ħafna li marru jivvutaw biex jibgħatu messaġġ iktar qawwi. Dawn qed jgħidu ser ninvalidaw il-vot biex forsi l-partiti l-kbar jindunaw li qed jqażżuhom.

Meta wieħed jgħodd il-voti invalidi li laħqu għal 8,082 ma’ dawk li ma marrux jivvutaw jew ma ġabrux il-vot li laħqu għal 51,025 isib li kważi 60,000 votant abbanduna din l-elezzjoni ġenerali. Dan hu qrib nofs il-voti li akkwista l-Partit Nazzjonalista.

Jekk il-politici tal-partiti l-kbar iridu jkunu veru politiċi li jinteresshom kull votant, għandhom jagħmlu analiżi politika serja biex jaraw x’wassal għal dan il-fenomenu pjuttost ġdid fil-pajjiż. Forsi hawnhekk irid ikun il-Partit Nazzjonalista li jagħmel iktar analiżi bħal din għax huwa hu li qiegħed ħafna l-bogħod minn maġġoranza tal- voti.

Jekk xejn din id-darba l-elezzjoni uriet li dawk li vvutaw lill-Partit Laburista, u tawh maġġoranza qawwija, huma l-core vote tal-istess partit li ma tantx ser jaqilbu l-vot tagħhom malajr. Imma jekk il-Partit Nazzjonalista irid jibda jaħdem għall-elezzjoni li jmiss, tiġi meta tiġi, irid bil-fors jibda janalizza u jistudja lil dawn is-60,000 votant u jara kif ser iressaqhom lejh.

Normalment il-vot invalidu jkun jammonta għal 1.2 fil-mija. Din rajniha fl-elezzjoni tal-2017. Imma din id-darba, l-ammont tal-voti invalidi tela’ għal 2.9 fil-mija. Kważi t-tripla.

Din hija qabża kbira ħafna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *