Bernard Grech irid jieqaf jisfida lill-elettorat Malti
Ġimgħa wara telfa madornali, il-kap tal-Partit Nazzjonalista jerġa’ juri li s-suppervja għadha tieħu is-sopr’avvent fuqu. Illum għamel kollegament permezz tan-NET TV biex jiddikjara li jinsab determinat li jerġa’ jagħmel lill-Partit Nazzjonalista, partit rebbieħ. Fi kliem ieħor, qed jgħid li hu jrid jibqa’ kap.
Min tah il-permess jgħid li hu ser jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista? Ma jarax li qed ikun redikolu meta anki l-kapurjuni tiegħu qed jirreżenjaw u ilu jaf b’dawn ir-reżenji qabel ma tħabbru fil-media?
B’mod pulit, Bernard Grech qed jgħid li hu jiġi jitmellaħ mill-istatut tal-partit li jgħid ċar li wara telfa, kull Kap irid jersaq quddiem il-Kunsill Ġenerali biex issir tellieqa għal kap tal-partit. Ħalli nerġa’ nfakkar jew aħjar inpoġġi għall-attenzjoni ta’ kull wieħed u waħda x’jgħid l-istatut f’numru 89 (2)
“F’każ li wara elezzjoni ġenerali l-partit ikun fl-oppożizzjoni, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali kif jipprovdi l-artikolu 82 (1) (b) u għandu wkoll jiddeċiedi li jniedi proċess ta’ elezzjoni ta’ Kap u ta’ Viċi Kap skont il- provvedimenti ta’ dan l-Istatut.”
L-istatut jgħid ċar li għandu jkun hemm ‘proċess ta’ elezzjoni’. Mela allura nistennew li jkun hemm nominazzjonijiet għal din il-pożizzjoni u l-partitarji jaraw minn hemm.
Imma Bernard Grech min jaħseb li hu biex ipoġġi lilu nnifsu ogħla mill-istatut billi jieħu vantaġġ tal-pożizzjoni li jokkupa? B’dikjarazzjoni nieqsa mill-maturita’ politika għadu kif qal li l-Partit Nazzjonalista għandu futur sabiħ. Imma kif ma jistħiex? Bernard Grech jgħid hekk meta taħt it-tmexxa tiegħu d-distakk hu 39,000 vot waqt li dawk li ivvutaw lill-partit Nazzjonalista naqsu meta kkomparati mal-2017, anki jekk f’din l-elezzjoni żiedu l-eletturi.
Quddiem dawn in-numri jien ma narax futur sabiħ għall-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech. Aktar minn futur sabiħ, għandna quddiemna id-diżintegrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk qed ninsisti, li Bernard Grech għandu jħalli ssir elezzjoni ħielsa.
Bernard Grech qatt mhu ser ikun il-bniedem li jista’ joħroġ lil dan il-partit mill-madmad li daħħlu fih. Dalgħodu qal li ‘jekk nagħrfu li lkoll naħdmu flimkien’. Dan hu minnu. Taħdem flimkien ifisser li l-ewwel trid tħalli li ssir elezzjoni ħielsa fil-Partit Nazzjonalista.
Infakkar li Bernard Grech kien jinsisti li bħala kap, il-partit qatt ma kien magħqud daqs kemm kien maqgħud taħtu. Mela għalfejn dak il-ftaħir kollu li kellu jkun hu li ra grupp parlamentari jaħdem id f’id miegħu? Bernard Grech tkellem ukoll dwar ir-riġenerazzjoni. Irid jgħidilna kemm minn dawk il-kandidati li resqu lejn l-elezzjoni għall-ewwel darba kienu riżultat tal-ħidma tiegħu?
Biex jitkellem fuq ir-riġenerazzjoni jrid jitkellem fuq il-fatti u fuq dak li rnexxielu jagħmel hu. Nisperaw li l-Partit Nazzjonalista ma jieqaf qatt jiġġenera ruħu għaliex inkella jmut mewta naturali. Bl-istess ħsieb il-Partit ma jistax jieqaf fil-ħidma tiegħu. Jekk il-partit jrid jibqa’ ħaj u vibranti bil-fors irid jibqa’ fuq il-proċess ta’ modernizzazzjoni imma fuq kollox irid isir leħen b’saħħtu konservattiv.