Il-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti reali aktar mill-Lejber f’din l-elezzjoni ġenerali

Minn osservatur politiku

Mela l-verita’ hija din. Il-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech ġab 41.7% tal-ewwel preferenzi fl-elezzjoni ġenerali li għadha kif għaddiet. L-agħar riżultat għall-Partit Nazzjonalista mill-Indipendenza ‘l hawn.

Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech il-Partit Nazzjonalista għandu biss 123,233 voti fl-ewwel preferenza. Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista ġab 12,500 vot inqas mill-2017. Għalhekk ħafna Nazzjonalisti ħaduha bi kbira meta tfaċċa Bernard Grech, wara telfa bħal dik, u talab mandat b’saħħtu. Kulħadd baqa’ imbellaħ kif kap ta’ Partit li kien għadu kif iddamdam jersaq quddiem il-poplu jitlob l-appoġġ.

Kulħadd kien qed jistenna xi tip ta’ apoloġija għad-disastru li spiċċa fih il-Partit Nazzjonalista. L-attaġġjament ta’ Bernard Grech ta x’jifhem li qisu ma ġara xejn u dak li ġara fl-elezzjoni ġenerali qisu qatt ma sar għaliex miskien ma kienx ilu fit-tmexxija. Bernard Grech qisu għadda minn ostaklu żgħir ta’ bla sinifikat u għalkemm tilef xorta jrid jibqa’ hemm u lest li jkompli fejn ħalla.

Għalhekk is-sostenituri tal-Partit ma fehemux il-messaġġ ta’ Bernard Grech għax ħadd ma kien qed jistenna xi ħaġa bħal dik. Bernard Grech missu ammetta t-telfa madornali u ħa r-responsabilita’ tagħha u missu wkoll qal li ser jersaq quddiem il-Partit biex jara xi jkun l-aħjar li jsir għall-futur tal-istess Partit li hu mexxa għal dawn l-aħħar tmintax-il xahar.

Dr Grech missu kien jaf li taħt it-tmexxija tiegħu l-Partit Nazzjonalista ma avanza xejn. Għal kuntrarju l-Partit Nazzjonalista mar lura waħda sew. Bernard Grech messu kien ftit umli u ddikjara li ser iwarrab minn postu u ser iħalli f’idejn il-kunsilliera tal-Partit jiddeċiedu x’jixtiequ jaraw fil-Partit minn issa ‘l quddiem.

Din il-mossa kixfet ħafna affarijiet għal Bernard Grech. Tinduna kemm hemm nuqqas ta’ maturita’ politika u l-akkolti ġenerali ta’ madwaru ma jafux x’inhuma jagħmlu. Minn tah dan il-parir wera kemm hu għatxan li jibqa’ fil-poter tal-Partit Nazzjonalista. Min tah dan il-parir wera kemm ma għandu idea ta’ xejn fejn tidħol strateġija politika. Din l-attitudni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kixfet kemm kien imdawwar b’nies immaturi, neqsin mill-kapaċita’ u ħsiebhom biss x’ser isir minnhom.

Kollha kienu jafu li kollox jiddependi mir-riżultat tal-elezzjoni imma dawn il-ġenerali ddeċidew li jiġi jitmellħu mir-riżultat u jaslu biex jagħtu l-parir għal ġid tagħhom personali u mhux għal ġid tal-Partit Nazzjonalista. Anke riżultat ta’ din id-deċiżżjoni biss, li jitlob mandat ġdid bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech għandu jwarrab. U miegħu għandhom jwarrbu dawk kollha li kienu madwaru f’dawn l-aħħar tmintax-il xahar. Sfortunatament ma kienux għall-altezza ta’ dak li kien mistenni minnhom u allura għandhom ikunu umli li jammettu kollha t-telfa u jagħmlu l-wisgħa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *