Għala aktar minn tmien t’elef Laburist ma vvutax għall-partit tal-Lejber?

Blog post minn Giselle Scicluna

Id-distakk hu ta’ 39,000. Anzi, biex inkunu preċiżi, ta’ 39,474 vot. Numru impressjonanti li ma jħalli l-ebda dubju tas-saħħa tal-Partit Laburista. Wara disa’ snin fil-gvern, minkejja għexieren ta’ gambetti, skandli u anke bidla fil-leadership, il-PL xorta qabeż kull aspettattiva.

Iżda l-bogħod mill-ewforija tar-rebħa, u meta wieħed iħares iktar mill-qrib lejn l-istatistiċi ta’ din l-elezzjoni, jinduna b’numru sostanzjali ta’ aktar minn tmien t’elef vot Laburist li għażlu li jarmu jew iħassru l-vot tagħhom; numru li sa ftit tas-snin ilu kien ikun biżżejjed biex irebbaħ jew itellef elezzjoni.

X’wassal għal dan?  Forsi l-Laburist leali li twieled u mmilita fil-partit u li tul l-għexieren ta’ snin poġġa l-fiduċja tiegħu f’partit, li b’mod konsistenti, kull darba li kien fil-poter, nesa l-wegħda tiegħu li jirrimedja l-ħafna inġustizzji li ġew imġarrba, inkluż dawk sofferti matul il-ħamsa u għoxrin sena tal-PN fil-gvern? Il-Laburist li ġie maqbuż għall-promozzjoni, sena wara sena; trasferimenti tax-xogħol li ngħataw sempliċement għax xi ras kbira hekk deherlu jew inkella forsi xi għadd kbir ta’ każi li l-customer care officers tal-ministeri jkunu ddeċidew minn jeddhom li m’humiex ‘importanti’ biżżejjed, allura jistgħu jiġu injorati u jistgħu jintesew?

Ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ votanti Laburisti għażlu minn elezzjoni għall-oħra li jagħtu ċans ieħor lill-partit, ċans ieħor biex jittranġaw l-inġustizzji li ġarrbu… F’dan il-mument il-PL għandu jżomm f’moħħu li l-ġenerazzjoni li jmiss, li forsi rat ħajjet il-ġenituri tagħha mibdula minħabba inġustizzji li sofrew, tista’ ma tkunx daqshekk lesta li taħfer u tinsa.

“Fl-aħħar mill-aħħar, ma niftakrux l-azzjonijiet tal-għedewwa tagħna, imma l-indifferenza ta’ sħabna.” – Martin Luther King Jr

U issa, il-Partit Laburista bir-raġun qed idoqq it-trombi, jiċċita rekord wara rekord tal-prestazzjoni ta’ suċċess tiegħu; fis-settur ekonomiku tagħna, it-tmexxija impekkabbli tal-pajjiż waqt pandemija globali, l-istatistika tal-qgħad tagħna, iż-żieda fl-investiment barrani – fatti li kollha għandhom jiġu mfaħħra. IMMA għar-raġel jew mara komuni, statistiċi, fatti u ċifri ma jfissrux ħafna. Huwa minnu li s-suċċess tal-pajjiż fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika minnu KULL ċittadin, kif fil-fatt qed jidher mill-għajnuniet konsistenti li qed iqassam il-gvern lil kull strata tas-soċjeta’ Maltija, iżda għal dawk li ħajjithom ġiet imkissra minn inġustizzji tal-passat dan kollu mhuwiex solliev.

Ħames snin jgħaddu. Ċerta li f’xi ħin il-PN se jagħmel minn kollox biex jerġgħa jieħu r-ruħ, u mill-andament ta’ din l-elezzjoni, speċjalment il-mod kif kandidati ġew eletti filwaqt li oħrajn baqgħu l-art, diġa’ qed juri li fi ħdan il-Partit Nazzjonalisti hemm min irid il-bidla. Jekk dan hu l-każ, il-PL irid jieħu ħsieb sal-inqas vot. Inġustizzji storiċi li ilhom ġejjin għexieren ta’ snin jeħtieġ li jiġu ndirizzati illum qabel għada. Il-Laburist ta’ veru ma jistenniex ħajt ta’ kenn mill-PN, imma li jiġi mormi u minsi minn missieru (il-PL) huwa inaċċettabbli.

Saħħa u sliem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *