X’inhu sew il-31 ta’ Marżu u x’għandu jfakkar il-Partit Nazzjonalista dwar dan il-jum? Analiżi tad-difiża Nazzjonali li ftit jafu dwarhom u wisq anqas jiftakruhom.

Kummentarju minn Dr Hermann Farrugia

F’Jum il-Ħelsien kull kap Nazzjonalista hu fl-obbligu li jibqa’ jfakkar kif fil-fatt żvolġiet il-politika Maltija taħt il-Gvern Soċjalista. Ilbieraħ t’lura smajna kif il-President Zelensky qiegħed fit-trattativi ta’ paċi mal-Federazzjoni Russa. F’dan it-trattativi qed jinsisti fuq garanzija internazzjonali ta’ difiża tal-integrita’ territorjali tal-Ukrajina. Dan ifakkarni dwar eżattament x’kien hemm wara l-31 ta’ Marzu.

L-Eks-premier Malti Duminku Mintoff kien wasal għall-festa ta’ tmiem il-bażi militari Ingliża u beda jsejjaħ dan il-jum bħala Jum il-Ħelsien. Dan wasal għalih eżattament 43 sena ilu fl-31 ta’ Marzu 1979, b’insistenza politika li Malta kellha tibqa’, bħala prinċipju ta’ strateġija, tħaddan il-politika tas-suppost ekwidistanza mis-superpotenzi u tan-non-alinejament. Termini li reġgħu faqqsu sew f’dan l-aħħar gimgħat minħabba din il-gwerra ġewwa l-Ukraina. Aktar tard il-Prim Ministru Soċjalista kien kompla jinsisti sabiex il-portijiet tal-gżejjer Maltin ma kellhomx jintużaw qatt sabiex jospitaw għodda militari ta’ gwerra b’potenzjal nukleari. Din kienet kundizzjoni li kmieni fis-sena 1987 ġiet entrenċjata bħala emenda ewlenija fil-Kostituzzjoni tal-istat Malti.

Li ftit wisq jiftakru huwa li dak iż-żmien, tax-xitwa tal-1979, l-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, għall-ewwel darba, kien formalment iddikjara b’riżoluzzjoni pubblika tal-24 ta’ Frar li l-Partit Nazzjonalista kien ser jorbot il-politika ekonomika u barranija kif ukoll dik tal-kummerċ esteru tiegħu mas-sħubija sħiħa ta’ Malta fil-Kommunita’ Ekonomika Ewropea (l-Eks-EEC). Din hija l-prekursur tal-Unjoni Ewropea li nafu illum.

Il-Prim Ministru Mintoff kien qiegħed jissigilla anke b’mod sigriet is-support għall- garanzija ta’ difiża territorjali u ta’ dependenza ekonomika fuq il-Ġemaharija Libjana permezz tal-ħbiberija mal-Kurunell Muammar Gaddafi u partikolarment mal-Prim Ministru Libjan, il-Maggur Abdussalam Jalloud. Ta’ l-aħħar kien deher Malta għal ftit ħin waqt il-lejla ta’ ċelebrazzjoni storika tal-ħelsien li seħħet il-Birgu.

Mela jagħmel sew kull kap tal-Partit Nazzjonalista u allura attwalment l-inkumbent Dr Bernard Grech ifakkar liż-żgħazagħ Maltin kif waqt li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem iħabbrek sabiex idaħħal lill-pajjiżna f’qafas sod ta’ stabbilta’ soċio-politika u ekonomika Ewropea, il-Partit Soċjalista ta’ dak iż-żmien kien jgħum f’Mediterran inċert b’politika estera u ekonomika bbażata fuq id-dependenza esaġerata fuq il-pajjiż ġarr tagħna, il-Libya.

Kien anki sar trattat ta’ għajnuna militari infami u sigriet mad-dittatorjat tal-Korea ta’ Fuq u r-relazzjonijiet kummerċjali esklussivi tagħna kienu mal-pajjiżi ġeneralment tal-Lvant u Non-Alinejati. Kellna relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi Kommunisti li kienu jgħidulhom ‘ta’ wara l-purtiera tal-ħadid‘ bħal Ġermanja tal-Lvant, il-Bulgarija, il-Polonja, ir-Rumanija. Magħhom wieħed iżid il-Yugoslavia ta’ Tito kif ukoll pajjiżi tal-Medju Orjent bħall-Iraq li dik il-ħabta kien immexxi b’id tal-ħadid mid-dittatur Saddam Hussein.

Kienet biss permezz ta’ politika tal-‘afterthought’ u opportunista’ li l-istess Perit Mintoff, anke ħafna wara l-jum tal-għeluq tal-bażi militari, kien ipprova jiġbor ġieħu u r-rispettabilita’ tad-difiża tal-gżejjer Maltin permezz ta’ ħidma impulsiva favur erba’ trattati separati li kienu taw garanzija militari, kif ukoll ta’ kooperazzjoni kulturali-kummerćjali ma’ erba’ pajjiżi kbar ġirien tagħna fil-Mediterran, jiġifieri ma’ Franza u l-Italja min-naħa Ewropea u mat-Alġerija u l-Marokk min-naħa t’isfel tax-xtut tagħna.

One thought on “X’inhu sew il-31 ta’ Marżu u x’għandu jfakkar il-Partit Nazzjonalista dwar dan il-jum? Analiżi tad-difiża Nazzjonali li ftit jafu dwarhom u wisq anqas jiftakruhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *