Jeremy Gingell: wieħed min dawk risponsabbli wara l-kolass tal-vot Nazzjonalista
Bil-fors irridu nirrimarkaw li waqt il-kampanja elettorali u fil-ġurnata tal-elezzjoni kien hemm nuqqas kbir ta’ parteċipazzjoni mill-elettorat Nazzjonalista. Hekk rajna fir-rallies tal-partit fejn esperjenzajna numri żgħar ta’ parteċipazzjoni. U hekk ġara wkoll dik in-nhar tal-elezzjoni meta kien hemm nuqqas kbir ta’ parteċipazzjoni mill-votanti fosthom ħafna nazzjonalisti. Fuq 51,000 ma vvutawx. 9,000 invalidaw il-vot. Eluf oħra vvutaw biss lil wieħed jew żewġ kandidati li turi nuqqas ta’ fiduċja f’ħafna kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-2022 erġajna rajna boycott ta’ ħafna kandidati imma din id-darba f’elezzjoni ġenerali. Fuq dan il-pont ma nistgħux ninsew dak li ġara fl-2019 meta f’Malta ivvutajna għall-membri parlamentari Ewropej. Dak in-nhar kien hemm kważi b’mod uffiċċjali sabutaġġ kontra t-tmexxija ta’ Adrian Delia. Wieħed mill-assistenti personali ta’ Bernard Grech kien dak in-nhar tana ritratt ta’ meeting tal-Partit Nazzjonalista li kien ibbojkotjat minnu u mill-faxxa ta’ kontra Adrian Delia. Dan ma kien ħadd ħlief Jeremy Gingell li barra li hu qrib ħafna ta’ Bernard Grech, tant li rajnih kull fejn kien Dr Grech fil-kampanja elettorali, huwa wkoll attivist ta’ Occupy Justice u Repubblika.
Dak iż-żmien, jiġifieri fl-2019, din l-istess faxxa kienet ħeġġet lin-nies biex fl-elezzjoni tal-parlamentari Ewropej jivvutaw lill-Partit Demokratiku jew jivvutaw biss 1 u 2 lil Casa u Metsola u jieqfu hemm. L-iskop kien ċar. Riedu jtellfu t-tielet siġġu lil Adrian Delia kif ġara. Miegħu kien hemm ukoll Ray Bezzina.
Imma x’għamlu ftit xhur wara. Dawn sabu ċ-ċans li jkunu qrib ta’ Bernard Grech biex jaħtfuh taħt idejhom. X’kien ir-riżultat ta’ dan kollu? Ma kienx hemm nies fir-rallies tal-Partit għax l-attendenza kienet fqira dejjem. Imma l-iżjed agħar li dak in-nhar tal-elezzjoni n-Nazzjonalisti qadu l-bogħod mill-iskejjel u ma marrux jitfgħu l-vot tagħhom. Tant hu hekk li l-Partit Nazzjonalista sofra minn tnax-il elf vot fuq il-votanti fl-2017.