Wara li ħadem biex jagħmlu kap issa talbu biex jitlaq: dik vizzjoni politika ta’ Salvu Balzan

Salvu Balzan kiteb artiklu l-bieraħ fejn talab lil Bernard Grech biex jitlaq. Balzan fetaħ l-artiklu tiegħu bil-kliem ‘Bernard Grech has to go’. Hu kompla jikteb: “The size of Labour’s landslide victory had been registered in countless surveys before yesterday’s eletcion”.

Imma ma qalilniex li kienet il-gazzetta tiegħu u s-surveys li kien qed jippubblika li mlew lin-nies b’fiduċja li Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista kellhom ċans tajjeb li jnaqqsu d-distakk. Mela jekk kien hemm xi ħadd li kellu jammetti li ma ġabiex żewġ kien Salvu Balzan, għaliex il-gazzetta tiegħu kienet l-unika gazzetta li fis-surveys kienet il-bogħod mill-verita’.

Ħalli niġu għat-titlu tal-artiklu fejn qed jgħid lil Bernard Grech biex iwarrab mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Għal darba jkolli ngħid li naqbel ma’ Balzan għax wara tkaxkira storika bħal din, Bernard Grech ma jistax jibqa’ hemm. Din il-pożizzjoni li ħa li jibqa’ imexxi lill-partit hija deċiżjoni oħra ta’ dawk li għandu madwaru fosthom Peregin u l-ġenerali l-oħra. Dawn huma prinċipjanti u kompletament bla esperjenza fil-logħba politika ta’ xejn.

X’sewa Peregin għal Bernard Grech. Apparti li swieh 72,000 euro fis-sena jew aktar, ma ġablu ebda tnaqqis fid-distakk. Mela jagħmel pjaċir lil kulħadd li jżarma wkoll. Il-dilettantiżmu ta’ Bernard Grech u sħabu jidher minn kif laqa’ r-riżenja ta’ erba’ deputati minn tiegħu fl-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali. Ħareġ jgħid li dawn iż-żgħażagħ maturi għamlu l-wisgħa għal demm ġdid.

Kif tista’ tqis deputati li kienu għadhom kif missew mal-erbgħinijiet bħala nies li ser jagħmlu l-wisgħa. Imma għal xix qed jirreferi Salvu Balzan meta jikteb biex jitwarrbu dawn id-dilettanti tal-politika? Ma nagħmlux mod li qed jgħid lil min ser ikun kap biex jikkonsidra lilu bħala xi strateġista tal-Partit Nazzjonalista? Ma nagħmlux mod li Balzan irid ikun parteċipi fl-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista minn issa ‘l quddiem?

Balzan qed jgħid li l-ikbar problema li għandu l-pajjiż hija li tinħoloq oppożizzjoni b’saħħitha. Forsi qed jitħajjar Salvu Balzan li jersaq ‘l quddiem biex jagħti l-ħsibijiet tiegħu biex tifforma ruħha din l-oppożizzjoni. Forsi qed jikkonsidra lilu nnifsu bħala l-persuna idonea li tista’ toħroġ lill-Partit Nazzjonalista minn dan l-isqaq li qiegħed fih wara li xeba’ jieħu kuntratti mingħand dan il-gvern tal-Lejber u mbagħad jgħajjar lili, mingħajr l-ebda bażi, li qed nieħu l-flus. Ara hemmhekk, ma ddejjaqx jagħmel assassinju tal-karattru Salvu Balzan!

Balzan qed jagħti l-parir li Malta trid tiżgura li tibqa’ demokrazija b’saħħitha imma dan ma jistax jintlaħaq jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni vibranti barra media indipendenti u li tiffunzjona. Media indipendenti ma hemmx u l-oppożizzjoni mhix vibranti għaliex kien hemm edituri bħal Balzan li ħadmu u taw gambetti biex persuna li ġiet eletta demokratikament fil-Partit Nazzjonalista titwarrab.

Open photo

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *