L-elezzjoni wriet li dik il-maġġoranza siekta Ii bdew juru s-surveys ma kienetx wara l-Partit Nazzjonalista
It-Times of Malta u t-Torċa laqtu tajjeb ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Fis-surveys tagħhom kienu qed jipprevedu tajjeb u kienu kważi preċiżi fl-istħarriġ tagħhom. Il-logħba xjentifika ħadmet tajjeb u kienu ta’ għajnuna għall-partiti politiċi jekk verament aċċettaw din l-informazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jidher ċar li ma aċċettax dawn il-previżżjonijiet tat-Times u tat-Torċa.
Bernard Grech u l-grupp ta’ tmexxija tiegħu, ddeċidew li jħarsu biss lejn stħarriġ ieħor imtella’ mill-gazzetta il-Malta Today. Kien jaqblilhom jagħmlu hekk għax dak li kien qed juri il-ġurnal ta’ Salvu Balzan kien iktar favorevoli lejn il-Partit Nazzjonalista. Allura għoġobhom jikkalkulaw u jinterpretaw is-sitwazzjoni fuq survey li kien qed juri dak li jixtiequ huma u mhux is-sitwazzjoni veritiera.
Kemm-il darba smajna lil Bernard Grech jitkellem fuq surveys u li dak hu ritratt ta’ dawk il-ftit mumenti li fih isir l-istess survey. Kemm-il darba qal li għalkemm nagħtu kasu ma għandniex inqisuh bħala vanġelu. Ġie altament jitmellaħ minn dawk is-surveys kollha li saru qabel elezzjonijiet oħra li kienu preċiżi fil-proviżżjoni tagħhom. Saħansitra kellu l-għardir li jgħid li dawk kollha li ma kienux qed juru l-ħsieb tagħhom lil min kienu ser jivvutaw, kienu kollha votanti nazzjonalisti siekta.
Kemm trid tkun nieqes mill-ħsieb profond biex tipprova tbella’ r-ross bil-labbra. Illum qed naraw kemm f’dawn l-aħħar sena u nofs kienu s-surveys li għaddew informazzjoni preċiża ta’ kif qed jaħseb il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa veru li dak ikun ritratt imma huwa tassew iktar veru li kienu qed jitkellmu fuq ritratt li wera preċiżament dak li kien qed jgħid l-poplu matul dawn l-aħħar xhur.
Ma hemmx kliem ieħor ħlief li l-Partit Nazzjonalista jrid jammetti li kien supperv u li ġie jaqa’ u jqum minn dawk is-surveys kollha magħmulin b’mod xjentifiku li għal darba oħra qed juruna kemm kellhom raġun. Għandhom raġun it-Times u t-Torċa jiftaħru billi jgħidu li kienu preċiżi f’dak li kienu qiegħdin jgħidu.
Għall-Partit Laburista dawk is-surveys kienu aċċettabbli għax Robert Abela kien qed jgħid biex ma jintlewx b’konfidenza żejda imma jibqgħu b’saqajhom mal-art. Għal kuntrarju l-Partit Nazzjonalista kien arroganti u ma tax każ ta’ dak kollu li kienu qiegħdin jgħidu l-istess stħarriġ. Tant hu hekk li emmnu li setgħu jerbħu u ħarġet indikazzjoni mid-Dar Ċentrali li setgħu jerbħu b’4000 vot.