Bernard Grech: verament bniedem li ma jafx jistħi
Blog post minn osservatur politiku
Irid ikollok wiċċek joqgħodlok jew veru ma tafx tistħi biex wara tkaxkira bħal din titlob mandat b’saħħtu għal ħames snin li ġejjin. Bħala Nazzjonalist inħossni nitqalla’ meta nisma’ xi ħaġa bħal din. Jiena stennejt diskors li jattribwixxi lilu nnifsu t-telfa li ġarrab minħabba li ġie riġettat il-pakkett li hu offra u li mingħajr ebda dubju ma ntlaqgħax mill-elettorat. Tisma’ rappreżentanti fuq in-NET TV tħossok tiddardar.
Meta tisma lil David Casa u Anne Fenech fost oħrajn jitkellmu fuq Bernard Grech qisu s-salvatur tal-Partit Nazzjonalista wara li ġarrab telfa ta’ 40,000 vot, tħossok litteralment żbalordit. Kif nies ta’ kwalita politika suppost għolja bħal dawn jaraw sa mniħierhom u ma jaslux biex jagħmlu differenza bejn il-persuna u l-ġid li jista’ jintagħmel għall-Partit Nazzjonalista.
Bla ma trid tasal biex tikkonferma kemm għandha verament saħħa l-klikka tar-ribelli megħjuna minn Repubblika et al fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dawn mingħajr ebda dubju jridu jżommu il-ħakma tagħhom fuq il-Partit Nazzjonalista u peress li għaddew dawn l-aħħar tmintax-il xahar jiddettaw, huma jridu li jibqgħu jagħmlu l-istess għall-ħames snin li ġejjin.
Ma ninsewx li Repubblika et al diġa ddikjaraw li huma hemm kienu u hemm ser jibqgħu. Imma dawn jidhru aktar b’saħħithom għax għandhom ħakma fuq il-Partit Nazzjonalista u jimponu l-aġenda tagħhom fuq l-istess partit. Jekk il-Partit Nazzjonalista jipprova jinqata’ minnhom dawn tonqsilhom is-saħħa u għalhekk issa qed ifaħħru lil Bernard Grech għax jafu li bih ikunu jistgħu jibqgħu jagħmlu li jridu.
Bil-fors ikollok tirrifletti kemm Bernard Grech iħares biss lejn il-poter u lejn il-flus. Dan huwa raġel li jħobb jippoppa sidru. Hekk għamel matul it-tmintax-il xahar li mexxa lill-Partit Nazzjonalista u speċjalment matul il-kampanja fejn sidru ntefaħ ħafna iżjed minn qabel.
Mingħajr ebda dubju huwa raġel li jħobb il-poter u ser jibqa’ jissemma għall-frażi tiegħu li uża eluf ta’ drabi, ‘meta nkun Prim Ministru’. Mhux talli mhux Prim Ministru imma talli Robert Abela, li Bernard għajru kontinwament ma kull okkażżjoni, tah tkaxkira li diffiċli wieħed iqum minnha.
Barra minn hekk Bernard Grech huwa persuna li jħobb il-flus. Qed iħossu komdu li għandu paġa ta’ deputat tal-Parlament, paga għax hu kap tal-Oppożizzjoni u paga minn għand il-Partit Nazzjonalista għas-servizz li qed jagħti. U jekk niġġudikawh minn dak li kien jiddikjara finanżjarjament meta kien avukat, ikunu nistgħu nikkonkludu li fuq dan il-livell qiegħed ħafna aħjar Kap ta’ Partit milli avukat bil-klienti.
This is too harsh. What is the alternative? Resign and keep pulling g strings?