Analiżi tad-dibattitu tal-bieraħ bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar li sar fuq ix-Xandir Pubbliku
Analiżi minn Dr. Hermann Farrugia.
Normalment, id-dibattitu bejn il-mexxejja tal-partiti l-kbar jintuża mill-Partit Nazzjonalista biex jiġbed lura lejh il-votanti tal-indeċiżi. L-andament tal-bieraħ, jiddispjaċini ngħid, kien wieħed konfrontattiv b’attakki personali. Dan jista’ jnaffar dawk l-eletturi dubjużi milli jivvutaw lill-P.N.
Jien wieħed minn dawk li lbieraħ filgħaxija assistejt għal dan l-inkontru televiżiv bejn il-mexxej tal-PL u l-kap tal-PN. Mill-bidu laqatni l-fatt li filwaqt li taħt l-immaġini ta’ Dr Bernard Grech ittellgħet il-caption Kap tal-Oppożizzjoni, taħt dik ta’ Dr Robert Abela deher it-titlu ta’ Prim Ministru. Huwa minnu li tal-aħħar huwa bħalissa l-kap ta’ gvern caretaker u għalhekk teknikament huwa kostituzzjonalment Prim Ministru caretaker. Iżda dan il-fatt, għalkemm pjuttost simboliku, jikkostitwixi vantagg perċettiv marbut mal- awtorita’ morali tal-Prim Ministru Abela. Dan id-dibattitu kellu l-għan li jesponi l-viżjoni politika taż-żewġ parteċipanti fil-qafas ta’ kontendenza elettorali bis-suppost bażi ta’ punteġġ ta’ ‘xejn b’xejn’, jew ossija kif jgħidu bl-Ingliż ‘’An electoral start on equal footing’.
Tabilħaqq, Abela ppretenda li jikkonvinċi lill-elettorat li huwa jinsab fuq l-istess livell ta’ Bernard Grech iżda huwa ċar li dar-raġunar huwa u jibqa’ assolutament fażull. Ma jitwemmen minn ħadd li hu f’sensih jew li għandu nitfa’ sens komun għaliex kulħadd jaf li Abela qiegħed jitlaq minn punt ta’ vantaġġ marbut mal-power of incumbency. Kemm kien ikun aktar ġust u raġjonevoli kieku l-captions inizjali ndikaw biss: Dr. Robert Abela – Mexxej tal-Partit Laburista u Dr Bernard Grech – Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dawn it-titli użati l-bieraħ ġa juru li mhux qegħdin fuq l-istess livell ta’ xejn b’xejn.
L-andament tad-dibattitu għaż-żewġ naħat seħħ f’ambitu politikament ċar, puntwali, inċiżiv u distintiv fi sfond ġeneralment dekoruż u vivaċi. Jiena jidhirli li d-diskorsi bi tweġiba ggwidata għas-sett mistoqsijiet imfassla u magħmula mill-ġurnalist attent Ian Carter, saru bi stil metikolużament ippreparat u kważi awtomatiku. Fi kliem ieħor, jidher li żewġ mexxejja kienu jafu l-mistoqsijiet minn qabel.
Is-sekwenza tat-tweġiba li fil-kontenut tagħhom kienet mistennija u ma ħalliet ebda nitfa’ ta’ spontanjeta’ u naturalezza fid-diskorsi u l-imġiba tal-kontendenti. Deher ċar li l-istrateġisti rispettivi tal-mexxejja kienu ġia’ iddefenixxew u imponew il-kontenut u x-xejra tal-lingwaġġ elettorali fuq it-tnejn li huma. Ma ħallew ebda spazju jew skop għal xi ‘scoop’ oriġinali jew idea innovattiva li l-elettorat Malti u Għawdxi ma kienx ġia’ ripetutament ġie mgħarraf bihom waqt l-erba’ ġimgħat ta’ kampanja elettorali ’22.
Iż-żewġ politiċi jidher li skurjaw punti vantaġġjużi raġjonevoli permezz tal-botti u risposti rispettivi li saru. Bħalma minn dejjem kien isir mill-ġurnalisti, l-għada ta’ kull dibattitu pre-elettorali kienu immedjatament jikkummentaw kif min minnhom kien ‘seraq ix-show’ u kien ħareġ rebbieħ mill-inkontru prestiġġjuż in kwestjoni. Hekk ukoll u b’tali mod, illum nistgħu nagħtu verdett oġġettiv u realistiku.
Did-darba jidher li ħareġ riżultat ekwivoku, pjuttost politikament ambivalenti u bbilanċjat. Huwa Abela li spikka fl-argumenti fejn elenka b’ħafna speċifiċita’ t-twettiq macro u micro-ekonomiku. Il-wens u l-inklussivita’ soċjali, saħħa u sigurta’, il-kredibilita’ tan-Nazzjon Malti fil-politika barranija u fl-istabbilita’ politika interna kienu oqsma oħra li Abela spikka fihom.
Grech ippredomina kif kien mistenni u mbassar fil-qasam tal-governanza u trasparenza, fil-politika ta’ grinta akbar għall-avvanz soċjo-ekonomiku Għawdxi, dwar is-sitwazzjoni tat-trasport u dwar l-indispensabbilta’ ta’ aktar bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp infrastrutturali sostenibbli ta’ pajjiżna.
Il-punt fatidiku li jidhirli li elettoralment iddetermina r-riżultat aħħari ta’ dan id-dibattitu mqanqal kien l-aġir għal kollox konfrontazzjonali, inkluż dak tal-lingwaġġ ostili għall-aħħar li Dr Grech kjarament ingħata struzzjonijiet li juża mill-bidu sal-aħħar tal-inkontru. Għal din il-qrusa esaġerata fl-espożizzjoni tal-argumenti tal-kap Nazzjonalista, Dr Abela irnexxielu jirribatti b’ċertu konsistenza u persważjoni.
Lejlet elezzjoni ġenerali, il-Kap Nazzjonalista ma weriex għerf strateġiku, maturita’ politika u lanqas raġunar effettiv sodisfaċenti vis-a-vis intendiment ta’ tir politiku li b’ċertu prudenza u moderazzjoni faċilment seta’ jilħaq. It-tir tiegħu kien li jiġbed ċertu simpatija aħħarija fost l-eluf ta’ votanti indeċizi imma dan ma rnexxiex. Fosthom mijiet kbar ta’ Laburisti moderati sinċiera li did-darba jinsabu elettoralment mifxula kif ukoll fosthom numru kbir ta’ familji Nazzjonalisti li sfortunatament did-darba, minħabba ħafna ćirkostanzi prevalenti, baqgħu bierda.
Ma jidhirlix li kien għaqli kif b’mod ripetut Bernard Grech irnexxilu idgħajjef l-aċċenn politiku tiegħu stess fuq is-serje twila ta’ argumenti ċari u pożittivi dwar il-proġett elettorali Nazzjonalista 2022-2030. Dan meta deherlu li għandu jħalltu u jinfiltrah b’insulti kompromettenti kontra l-integrita’ tal-persuna ta’ Robert Abela. Dawn, għalkemm iddokumentati ġurnalistikament, jibqgħu sal-lum allegazzjonijiet li bosta minnhom diffiċli tiġi ddeterminata r-responsabbilta’ personali diretta tal-Prim Ministru nnifsu.
Dan in-nuqqas tal-Kap Nazzjonalista spunta partikolarment meta semma għal darba-tnejn-tlieta l-każ tal-maħfra ta’ eluf ta’ ċitazzjonijiet tat-traffiku, dak tal-qerda tal-ambjent kif ukoll dak tal-indħil tal-prim ministru fl-għoti ta’ permessi insensati lil xi imprendituri partikulari.
Konsegwentement f’għajnejn l-elettur dubbjuż jew inċert, l-istess kredibilita’ politika ta’ Grech battiet bil-bosta u f’xi waqtiet kważi għebet ghal kollox. Anzi hawn jinħtieġ jingħad li dal-fenomenu l-aktar li spikka meta illoġikament, u sewwasew għal mhux anqas minn tliet darbiet sussegwenti u separati, Grech deherlu li għandu jirrikorri għall-isem u l-persuna tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat. Grech hawn sorprendentement irnexxilu jasal għall-punt assurd (kważi redikolu) fejn uża lil Joseph Muscat bħala ‘salvawomu’ fir-raġunar argumentattiv tiegħu stess.
Ma kienx hemm idea ta’ loġika fl-asserzjonijiet li faqqa’ bl-addoċċ: L-ewwel li Abela irnexxilu iberbaq is-surplus finanzjarju li ħallielu Muscat. Hawn nafu li dan ġara minħabba l-infiq għas-sostenn soċjali massiċċ waqt il-pandemija.
It-tieni fejn ġie inferit li Abela bħala konsulent tal-Prim Ministru Muscat, ipprova jiżvijah apposta sabiex eventwalment jeħodlu postu.
U fl-aħħarnett, meta Grech allega li Abela kien waħħal fit-tmexxija ta’ Joseph Muscat għall-kundanna tal-greylisting ta’ Malta mill-FATF meta għall-kuntrarju, Robert Abela dejjem alluda għall-proċess ta’ nuqqas ta’ infurzar ta’ kontrolli finanzjarji/bankarji li kienu jirrikorru sa’ minn deċennji sħaħ qabel. Fi kliem ieħor, Abela dejjem qal li dan huwa wirt li jmur għal meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern.
Ta’ min jinnota, li dan l-istil huwa għal kollox kuntrarju għal dak li ntuża fid-dibattiti politici finali ta’ bejn Dr. Lawrence Gonzi u Dr. Alfred Sant f’Marzu 2008 u dak ta’ bejn Dr Lawrence Gonzi u Dr Joseph Muscat f’Marzu 2013. Dawn id-dibatti kienu rispettabbli u prudenti. Fuq kollox, hawn irid jingħad li f’dawn iż-żewg okkażjonijiet, il-Kap Nazzjonalista kien qed jaġixxi fir-rwol ta’ Prim Ministru Caretaker u għalhekk ma kienx qiegħed f’sitwazzjoni tal-kontendent jew l-‘underdog’ Elettorali kif kien jinsab Bernard Grech proprju lbieraħ.
Ikollna niftakru wkoll b’liema dekor opportun u kważi esaġerat il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil kien ittratta mal-Eks-Prim Ministru Dr Joseph Muscat fid-dibattitu bejniethom fl-elezzjoni ta’ Ġunju 2017. Dan kjarament bi strateġija intelligenti ittargettjata lejn il-votant Floater u lejn l-elettur li sa’ dakinhar kien possibilment għadu indeċiż.
Kuntrarjament għal dan l-atteġġjament li kienu wrew l-eks-kapijiet Nazzjonalisti msemmija fejn kien jidher ċar li l-istrateġija tal-lingwaġġ u aġir użat minnhom kien iffukata fuq il-ħtieġa li sal-aħħar iħabirku sabiex jikkonvinċu lill-votant ‘floater’, l-istil addottat minn Dr Grech f’dan id-dibattitu elettorali ’22 kien purament qalil u konfrontazzjonali. Dan ifakkarni fid-dibattitu li kien sar bejn Dr Eddie Fenech Adami mal-Prim Ministri Dom Mintoff f’Diċembru 1981 u Dr. Karmenu Mifsud Bonnici f’Mejju 1987. Dawn kienu żewġ dibattiti konfrontali ħafna bejn iż-żewġ kapijiet.
Dan l-andament diviżiv estrem ta’ Dr Bernard Grech kien spikka ukoll, allavolja b’daqsxejn aktar kontroll u kalma waqt id-dibattitu li kien sar bejn Fenech Adami bħala Prim Ministru u Alfred Sant f’Ottubru 1996. Iżda għar-raġunijiet pjuttost ovvji, dil-kalma reġgħet kienet tat lok għal diskors aktar inċiżiv u provokattiv minn Eddie Fenech Adami fir-rwol ta’ kap tal-Oppożizzjoni meta kellu jerġa’ jaffaċċja lill-istess Alfred Sant f’Settembru 1998.
U ma ninsewx kif kien spiċċa ħażin u infatti saħansitra libelluż il-famuż inkontru bejn il-mexxejja politiċi Fenech Adami u Alfred Sant fl-elezzjoni determinanti kruċjali u deċiżiva ta’ April 2003, fejn kien ser jiġi mgħaġun u ssiġillat darba għal dejjem il-futur tal-adeżjoni Maltija fl-Unjoni Ewropea.
Ilbieraħ faċilment jista’ jingħad li Dr. Bernard Grech irnexxielu juri l-istess grinta qalila, offensiva u penetranti ta’ Dr Eddie Fenech Adami kontra l-avversarju politiku. Il-ġustifikazzjoni għal dan l-atteġġjament ta’ Grech tibqa’ valida meta wieħed jikkunsidra li dan kien l-uniku konfront inevitabbli li kellu jaċċetta Robert Abela fejn dejjem irrifjuta jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-kap tal-Oppożizzjoni tul is-sena u nofs li ilha ssirlu dil-famuża istedina.
Ikollna bilfors nirraġunaw ukoll kif, bl-istess mod sfaċċat li kien isir fis-sebgħinijiet u tmeninijiet taħt amministrazzjoni Soċjalista, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien bla dubbju inevitabilment influwenzat mis-sitwazzjoni sproporzjonata ta’ manipulazzjoni politika esaġerata fuq ir-rappurtaġġ suppost ekwu u bilanċjat tax-Xandir Nazzjonali tul dawn l-aħħar snin.
Tabilhaqq mexxejja politiċi b’sens kolt tal-Istat ma jaqgħux għat-tentazzjonijiet ta’ imġiba aggressiva u lingwaġġ diviżiv u li dawn bilfors jispiċċaw elettoralment kontra-produċenti. Elettorat żagħżugħ li kull ma jmur dejjem sar aktar edukat, ċivili, matur u ‘modern’ jeżiġi spirtu konċiljattiv b’aġir kemm jista’ ikun mill-anqas partiġġjan… u dan saħansitra lejlet elezzjoni ġenerali li tkun determinanti għall-futur tan-nazzjon.