Bernard Grech qed jisfida l-istatut tal-Partit Nazzjonalista meta qed jgħid li ser jibqa’ kap wara l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt
Din hija arroganza sfaċċata. Mhux aċċettabbli li Bernard Grech jgħid “I will remain with you for Malta”. Il-Malta Today qaltilna li Bernard Grech mhu qed juri ebda sinjal li ser jitlaq il-pożizzjoni tiegħu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista jiġri x’jiġri f’din l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Bernard Grech kien mistoqsi minn ġurnalist f’dawn l-aħħar ġranet jekk hux ser jibqa’ bħala kap tal-Oppożizzjoni jekk il-Partit Nazzjonalista jitlef l-elezzjoni b’iktar minn 30,000 vot. It-tweġiba ta’ Bernard Grech kienet “I am with you for Malta and after Saturday, I will remain with you for Malta.” U dan qed jgħidu Dr Grech meta bħala kap tal-partit suppost jaf x’jgħid l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. L-artiklu 83 tal-istatut jgħid hekk:
“Il-Kap tal-Partit jinħatar jew jiġi konfermat wara kull elezzjoni ġenerali skont kif jipprovdi dan l-Istatut.”
Din is-sentenza turi b’mod ċar li ebda Kap, inkluż Bernard Grech, ma jista jiddeċiedi hu x’ser jagħmel wara elezzjoni ġenerali, jkun x’ikun ir-riżultat. Qabel ma jpaċpaċ Dr Bernard Grech missu qara u fehem l-artiklu 89 li jgħid hekk:
“(1) F’każ li wara elezzjoni ġenerali l-partit jitla’ fil-gvern, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali kif jipprovdi l-artikolu 82 (1) (b) u għandu wkoll jikkonferma l-Kap u l-Viċi Kap skont il-provvedimenti ta’ dan l-istatut.
(2) F’każ li wara elezzjoni ġenerali l-partit ikun fl-oppożizzjoni, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali kif jipprovdi l-artikolu 82 (1) (b) u għandu wkoll jiddeċiedi li jniedi proċess ta’ elezzjoni ta’ Kap u ta’ Viċi Kap skont il- provvedimenti ta’ dan l-Istatut.”
Ma hemm ebda kjarifika x’tagħmel. Ma hemm ebda spjegazzjoni xi tlissen. Ma hemm ebda dubju x’tiċċara. Ma hemm ebda ċans ta’ misinterpretazzjoni. Il-Kap tal-Partit irid joqgħod għal dak li jgħid l-istatut. Kemm jekk ikun hemm rebħa elettorali kif ukoll jekk ikun hemm telfa, l-istatut hu suprem u ma jħalli ebda għażla f’idejn xi individwu, anke jekk ikun il-kap tal-partit, x’għandu jsir wara elezzjoni ġenerali.
Aħna t-tesserati jew kunsilliera ma nieħdu pjaċir xejn b’dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet. Ħadd ma hu għola mill-partit u kulħadd, hu min hu, irid joqgħod għal dak li jgħid l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Il-kap tal-Partit Nazzjonalista jgħajjar tant lill-Lejber b’arroganza. Dikjarazzjoni bħal din hija biss manifestazzjoni ta’ arroganza sfaċċata minn Bernard Grech lejn it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista u sfida diretta lejn dak li jgħid l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.