Il-costings ta’ kemm se jiswa’ l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għadhom ma ġewx ippubblikati

Blog post minn osservatur politiku

Ilna minn meta bdiet il-kampanja elettorali nistennew il-Partit Nazzjonalista jagħtina informazzjoni dwar x’se tiġi tiswa lill-pajjiż il-lista ta’ proposti li elenka l-Partit fil-manifest elttorali tiegħu. Meta ġie ppublikat il-manifest, li ta’ min ifakkar li kienu għaddew biss mitt siegħa minn meta ssaffret is-suffara tal-elezzjoni, kien hemm kontinwament il-mistoqsijiet li kienu qed iduru fuq kemm ser jiswew il-proposti li kien qed jagħmel il-Partit. vV

Konna qed nassistu għall-mistoqsijiet kontinwi lil Dr Bernard Grech dwar dawn il-costings. Konna qed naraw lill-ġurnalisti jistaqsu dwar dawn il-costings lil kull min kien qed jindirizza xi konferenza stampa. Assistejna għal ħafna skużi u ħafna paroli li ma wassalx għaċ-ċifri li suppost kienu esposti wkoll mal-manifest elettorali. Bqajna nassistu għal diversi raġunijiet imma l-istennija għal dawn l-imbierkin costings baqgħu ma waslux. Fuq kollox dawn l-ammonti jindikaw il-fattibilita’ jew le tal-istess proposti. Fil-bidu Dr Bernard Grech kien qed jirrispondi li l-costings tal-proposti kienu qed jinħaddmu u definittivament kienu ser jixxandru aktar ‘l quddiem, imma żgur qabel ma tasal l-elezzjoni.

Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu Bernard Grech ġie irrappurtat li qal li l-costings ser ikunu pubblikati meta jkun iż-żmien propizju. Hawnhekk jibda jberraq u wieħed jibda jaħseb li dawn l-imbierkin costings mhux ser inkunu nafuhom. Qed ngħid dan għax Dr Bernard Grech kompla jgħid li meta jkun il-waqt ser jippubblikaw dawn il-costings imma enfasizza li mhux ser iċedu għall-pressjonijiet politiċi. Din hija risposta pjuttost diffiċli li wieħed jaċċetta għaliex kien hemm wegħda min-naħa tal-Kap tal-Partit li dawn ser jixxandru qabel il-jum tal-votazzjoni.

Dr Bernard Grech, biex inaqqas minn dan l-attakk kontinwu tal-ġurnalisti, qal li l-manifest tiegħu ġie studjat b’mod profond ħafna. Ukoll, biex jipprova jgħatti xturu u jdawwar l-attakk fuq il-Labour, kompla jgħid li għal kuntrarju il-manifest tal-Partit Laburista iwiegħed diskussjonijiet mingħajr ma jelenka miżuri tanġibli. Dr Grech reġa semma’ li l-costings joħorġu meta ż-żmien ikun propizju u mhux ser jaċċetta lil ħadd li jiddetta l-istrateġija tal-Partit fuq din il-kwistjoni.

Biss Dr Bernard Grech irid jifhem li mhux biss huwa mportanti li jxandar dawn il-costings kif imwiegħed imma li jxandarhom kemm jista’ jkun malajr. Ir-raġuni sempliċi hija li ħadd ma hu ser jieħu dawn iċ-ċifri bħala vanġelu lejlet l-elezzjoni imma hemm bżonn li jagħti ftit ċans biex wieħed ikun jista’ jagħmel ftit studju fuqhom ukoll. Biss milli jidher din il-wegħda mhux ser tiġi mwettqa u l-poplu Malti u Għawdxi ser jibqa’ b’xiber imnieħer.

https://www.maltatoday.com.mt/news/election-2022/115751/pn_costings_will_be_published_when_the_time_is_right?fbclid=IwAR2jJKOsmsG3njzaxKcp4MayuHQGe7lsT1d05ZO3fo99KS21HRVJ02k8mHQ#.YjgLG-rMK3A

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *