Il-PN jagħti żewġ verżjonijiet differenti dwar it-trackless tram: hemm bżonn ta’ aktar kunsess nazzjonali dwar x’għandha tkun l-aħjar għażla.

Blog minn osservatur politiku.

It-trackless tram, liema hi l-verzjoni t-tajba? Dik ta’ Toni Bezzina jew dik ta’ Ryan Callus? Li hu żgur li ma jistax ikun li ż-żewġ verżjonijiet ikunu tajbin. Imma ma tidhirx sabiħa li żewġ deputati tal-istess partit jagħtu żewġ verżjonijiet differenti ta’ proposta tant importanti tal-partit tagħhom stess? Jidher li hemm ftit konfużżjoni fuq din il-proposta jew biex inkunu aktar preċiżi, kif ser taħdem.

Din il-ġimgħa l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, l-inġinier Ryan Callus qal li t-tram ser tgħaddi minn toroq arterjali kif ukoll minn toroq distributorji b’karreġjata apposta għaliha. Imma ftit siegħat wara l-kollega tiegħu l-Perit Toni Bezzina, li kien u għadu l-kelliem fuq it-trasport, qal li l-pjanijiet tal-partit tiegħu huma li t-tram ma jkollux għalfejn ikollu karreġjata apposta għalih.

Meta tisma’ verżjonijet bħal dawn tibda titħawwad min minnhom qed jgħid il-verita u liema hi attwalment il-verżjoni li fuqha ser jaħdem dan il-proġett. Il-mistoqsijiet jibqgħu hemm wara dawn id-diskorsi.

Iż-żewġ karreġjati fit-toroq se jinbidlu f’waħda biex ikun hemm spazju għat-tram? Jista’ jkun li karreġjata oħra ser tiżdied ma’ dawk eżistenti biex tkun tista’ tgħaddi t-tram?

Il-kelliema qalu li din mhux għażla bejn it-trackless tram u l-metro li qed jipproponi l-Partit Laburista, imma hija għażla bejn it-trackless tram u t-traffiku esaġerat li għandna fit-toroq. Imma xorta jibqa’ t-thewdin f’moħħ in-nies, kif jista’ jkun li anke fuq proġetti tant kbar u li bihom ser jinbidel il-pajjjiż, ma jinstabx mod kif iż-żewġ partiti jaħdmu flimkien biex tinstab l-aħjar soluzzjoni għal pajjiżna.

Li kieku iż-żewġ naħat iduru ma’ mejda u bl-għajnuna ta’ esperti jiddiskutu x’tista’ tkun l-aħjar għażla għaċ-ċokon ta’ pajjiżna, kieku żgur li jintagħmel ħafna aktar ġid. Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jitmexxa bil-piki ta’ bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Mela jgħidu x’jgħidu l-kandidati taż-żewġ partiti, l-aħjar għażla għal proġett kbir bħal dan, għandha tkun diskussjoni bejniethom bil-għajnuna ta’ esperti li diġa għandhom esperjenza f’dan il-qasam.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *