Metsola tibqa’ barra mill-politika Maltija

Il-President tal-Parlament Ewropew, il-Maltija Roberta Metsola, ddeċidiet li mhux ser tinżel Malta waqt il-kampanja elettorali biex tkun ta’ għajnuna lill-partit li bis-saħħa tiegħu qiegħda Membru tal-Parlament Ewropew u llum President tal-istess Parlament. Hija ddeċidiet li mhux se tipparteċipa għal ebda attivita organizzata mill-Partit Nazzjonalista lejlet elezzjoni ġenerali.

Hija ddikjarat id-deċiżjoni tagħha xi ġimgħa ilu u għamilitha ċara li din id-deċiżżjoni se torbotha ma’ kull pajjiż membru fl-unjoni ewropea. Hija qalet lit-Times of Malta li hi ma se tattendi ebda rally ta’ ebda partit f’ebda pajjiż membru.

Huwa ovvju li deċiżjoni bħal din ma setgħetx niżlet tajjeb mal-Partit Nazzjonalista li qed jaħdem ħafna biex jipprova jnaqqas id-distakk u forsi ukoll jidħol biċ-ċans li jieħu l-Gvern.

Ħafna qed isostnu li Malta kellha tkun eċċezzjoni għad-deċiżżjoni ta’ Roberta Metsola. Meta s-sitwazzjoni qed tkun indikata bħalha mhux favorevoli għall-partit tagħha, kien hemm min fil-Partit Nazzjonalista stenna li bħal ma għamel il-kollega tagħha, Casa, hi wkoll tiġi hawn Malta u apparti li tagħti għajnuna lill-Partit tagħha, tinkoraġġixxi lis-sostenituri tagħha, li huma numerużi, biex joħorġu jivvutaw u jsostnu lill-Partit Nazzjonalista.

Wieħed jista’ jargumenta li mhux l-ewwel darba li mexxejja Ewropej ġew pajjiżna waqt kampanja elettorali biex isaħħu l-kampanja tal-partit ħabib tagħhom. Fil-fatt fl-2017 kien ġie Manfred Weber li kien indirizza mass meeting f’Tas-Sliema.

Imma Roberta Metsola ddeċidiet li ma tagħmilx din id-dehra. Waħda mir-raġunijiet għaliex iddeċidiet hekk għandha x’taqsam mal-gwerra fl-Ukraina u x-xogħol li qed tiffaċċja minħabba dan il-fatt. Affarijiet li tistennihom. Hawn ma naqbilx ma min qed jargumenta li qatt ma stenna li membru tal-Parlament Ewropew Malti jiċħad kull għajnuna lill-Partit tiegħu stess.

Hija stqarret li se tinteressa ruħha f’dak kollu li jkun qed jiġri fl-elezzjoni, imma xorta ser tibqa’ ‘l bogħod minn artna biex tindirizza xi rally. Hija qalet ukoll li se tibqa’ dejjem rikonoxxenti lejn kull min ivvutalha fl-aħħar elezzjoni. Tirringrazzjhom tal-fiduċja li urew fiha u għar-risponsabilita li tpoġġiet fuqha bħala President tal-Parlament Ewropew imma xorta ma tħossx li għandha tirritorna pajjiżha biex tagħti daqqa t’id lill-Partit tagħha, il-Partit Nazzjonalista.

Naħseb li hu passa għaqli għaliex b’hekk qed tkompli tibni l-istatura tagħha bħala persuna ‘l fuq mill-politika lokali u bħala president tal-Parlament Ewropew kollu u mhux ta’ parti minnu. Fi kliem ieħor, Metsola qed tara aktar ambizzjonijiet personali tagħha milli dawk tal-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *