Fl-aħħar, il-PN beda jirrealizza li jrid il-vot tal-Laburisti biex jitla’

Kważi fl-aħħar tal-kampanja elettorali Bernard Grech qed jibda jara d-dawl u jirrealizza li mhux faċli li jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Nispera li qed jinduna li dak il-kliem kollu ta’ ‘meta jkun Prim Ministru’ jew ‘gvern immexxi minni’ li qed juża kull ċans li jkollu u f’kull diskors li jagħmel kien qed idarras lin-nies. Messu ilu jaf li kieku ried ikun emmnut u b’saqajh mal-art, li l-għan prinċipali tiegħu kellu jkun li jnaqqas id-distakk mhux li jsir Prim Ministru.

Ovvja mid-diskors li kien qed jintqal u li ħarġet tant ċara, li Bernard Grech huwa għatxan għal ħaġa waħda biss, il-poter. Waqt li kien qed jindirizza n-nies f’Ħal Balzan, Bernard Grech adotta strateġija ġdida u differenti. Hu appella lill-votanti li hemm bżonn li pajjiżna jkollu Oppożizzjoni iktar b’saħħitha. Jekk ikun hekk il-poplu jkun qed isaħħaħ id-demokrazija.

Kulħadd jaf għax jaqra u jisma l-aħbarijiet li skond is-surveys kollha, l-Partit Nazzjonalista qiegħed minn taħt fil-voti b’numri li jvarjaw bejn 25,000 u 40,000. Imma f’Hal Balzan kienet l-ewwel darba li Bernard Grech tkellem dwar it-tnaqqis tad-distakk bħala xi ħaġa pożittiva għall-Partit Nazzjonalista. Huwa irringrazzja lis-sostenituri tal-partit u lil dawk il-floaters li ser jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba.

Huwa indirizza wkoll lil dawk il-Laburisti li qed igergru għall-mod kif qed imexxi l-Gvern ta’ Robert Abela, u qalilhom biex jiġbru l-vot tagħhom u jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. B’hekk anke dawk il-Laburisti mdejjqin ikunu qed jgħinu biex inaqqsu d-distakk u jkunu wkoll qed jibgħatu messaġġ lill-Prim Ministru li huma jinsabu mdejjqin bl-arroganza tiegħu. Hu kompla jgħid li jekk dawn il-Laburisti jiffukaw biex inaqqsu d-distakk ikunu qed isaħħu l-Oppożizzjoni għall-ġid tal-politika Maltija u ta’ Malta.

Mela fl-aħħar l-istrateġisti ta’ Bernard Grech qed jifhmu dak li qed jgħid il-poplu Malti li l-Partit Nazzjonalista għadu mhux preparat biex jieħu l-Gvern. Misshom ilhom li ħadmu fuq l-istrateġija li qed jadottaw fl-aħħar tal-kampanja elettorali, li l-Partit Nazzjonalista għalissa jista’ jkun aktar ta’ ġid għall-pajjiż jekk inaqqas id-distakk u jkun aktar oppożizzjoni aggressiva u b’saħħitha fl-argumenti tagħha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *