Dibattitu politiku tajjeb bejn Adrian delia u Jonathan Farrugia fuq F-living
Minn osservatur politiku
Għal min iħobb il-politika bħalissa għandna xalata ta’ diskussjonijiet, intervisti, dibattiti, stqarrijiet u oħrajn minn partiti diversi li ser jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Tieħu pjaċir tara u tisma’. Tieħu pjaċir ukoll tinnota l-atteġġjament ta’ diversi politiċi waqt dawn it-trasmissjonijiet.
It-Tnejn filgħaxija kelli l-pjaċir li nara diskussjoni fuq FLiving bejn żewġ kandidati miż-żewġ partiti prinċipali. Fuq in-naħa tal-Labour kien hemm Dr Jonathan Attard u għall-Partit Nazzjonalista kien hemm Dr Adrian Delia. Veru diskussjoni ċivili u bl-edukazzjoni kollha. Kien hemm rispett reċiproku lejn xulxin miż-żewġ kandidati. La kien hemm diskors żejjed. La kien hemm attakki fuq livell personali. La kien hemm diskors li setgħu weġġgħu lil xulxin.
L-iżjed li impressjonani lili kien Dr Adrian Delia. Għalkemm kemm-il darba kien il-ħin tiegħu biex jitkellem, ipprefera jħalli lil Dr Attard jispiċċa l-argument milli jtellfu. Kienu istanti fejn apparti li tammira lil persuna, tinnota wkoll li ma kellu ebda ħsieb li jostor xi argument li ried jagħmel l-avversarju politiku tiegħu. Wara ħa l-ħin tiegħu xorta u rrisponda għal dak kollu li kien qed jgħid il-kelliem oppost. Kien hemm tweġibiet għal kull argument miż-żewġ rappreżentanti.
It-tnejn għamlu l-argumenti tagħhom bl-ikbar kalma u mingħajr ebda diffikulta’ ta’ xejn. Il-preżentatur kien mistagħġeb bl-imġieba tagħhom u bil-mod kif saret id-diskussjoni fuq suġġetti diversi. Kien jidher ċar li hemm diverġenzi kbar bejn iż-żewġ pożizzjonijiet tal-partiti l-kbar, imma ma kien hemm bżonn ta’ ebda tgħajjir jew imġieba mhux idonea.
Fl-aħħar tad-diskussjoni l-preżentatur feraħ liż-żewġ kelliema u qal li kif svolġiet id-diskussjoni kienet ta’ eżempju għal diskussjonijiet oħra li jsiru fuq stazzjonijiet oħra. Kienet ukoll ta’ indikazzjoni ta’ kif għandha titħaddem il-politika. Nixtieq nirringrazzja liż-żewġ kelliema talli kienu ċivili u ħadna pjaċir insegwu l-argumenti tagħhom.