Programm elettorali Nazzjonalista u repetizzjoni li fih.
Blog post minn osservatur politiku
Il-bieraħ, is-Sunday Times qaltilna li l-Partit Nazzjonalista qal li meta ssejħet l-elezzjoni huma ddeċidew li immedjatament jippubblikaw id-dokument ta’ viżjoni tagħhom u l-biċċa l-kbira tal-proposti tagħhom li kienu ilhom jaħdmu fuqhom. Huma riedu ikunu ċerti li jużaw kull ġurnata fil-kampanja biex jispjegaw l-ideat tagħhom b’mod trasparenti ħafna. Mela din hija ammissjoni li l-manifest elettorali kien lest u preparat għax la kienu kapaċi joħorġu bil-manifest mill-ewwel bil-fors li kien ilhom jaħdmu fuqu ħafna qabel.
Imma hemm proposti f’dan il-manifest li huma dupplikati. Oħrajn kienu neqsin u addirettura l-istess proposta hi miktuba iżjed minn darba bi kliem differenti. Meta taqra l-manifest sewwa, li qiegħed fuq il-website tal-Partit Nazzjonalista, jirriżulta li f’paġna 199 hemm numru ta’ proposti li huma dupplikati kelma b’kelma. It-Times tagħtina eżempji ta’ dawn. Proposta 534 hija l-istess bħal proposta 538. 535 hija l-istess bħal 539. Il-536 terġa’ tidher kelma b’kelma fi proposta 540 u 537 hija replikata fi proposta 541. Proposta numru 12 hija ripetuta fi kliem differenti fi proposta numru 363. X’taqbad tgħid, li għalkemm kien preparat xorta kien xogħol magħmul bil-għaġla? U li ħadd ma reġa’ qara l-proposti u studja biex jara kienx hemm dupplikazzjoni?
Ħaġa oħra li qed toħroġ hija li f’dawn l-aħħar ġimgħat komplew joħorġu iżjed proposti li ma humiex imniżżla fil-manifest li kienu tant mgħaġġla biex joħorġuh. Kull press conference jew diskors li qed isir qed jiġu varati aktar proposti u dan juri li mhux veru li kienu preparati bil-proposti kollha.
Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista biex jgħatti xturu qal li dawk il-proposti li ma jidhrux fil-manifest huma parti minn pakketti oħra ta’ proposti li ser jixxandru matul il-kampanja elettorali. Allura mhux veru kif qal il-Partit li ħarġu l-manifest mill-ewwel biex ikollhom iċ-ċans jispjegawh. Allura ma kienx lest biex baqgħu għaddejjin bi proposti oħra. Nafu li l-Partit Nazzjonalista ppubblika l-manifest elettorali tiegħu fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja u ilu minn dak in-nhar jikkritika lil Partit Laburista li għadhom ma ppubblikawhx tagħhom, xi ħaġa li għamlu ftit siegħat ilu.
Imma wieħed jistaqsi, kien ikun aħjar li kieku ma ħarġu xejn il-manifest malajr u jippubblikawh biss meta jkun lest flok joqgħodu jibdluh aktar minn darba? Nafu wkoll li s’issa l-Labour ħarġu tagħhom u ma għamlux tibdil. Mela aħjar darba u tajjeb milli mhux kollu lest u sar tibdil għall-anqas ħames darbiet.
Biss l-arroganza ta’ Bernard Grech spikkat ġewwa Għawdex fl-aħħar ġranet meta qal li l-ġurnalisti dejquh isaqsuh fuq meta ser joħroġ il-costings bħal ma wiegħed. Hu kompla li l-manifest huwa tal-Partit Nazzjonalista u huwa f’idejn il-partit meta jiddeċiedi li jippubblika l-costings tiegħu. Il-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom u jistaqsu. Huwa doveruż minn partit politiku, lejlet elezzjoni, jgħid x’ser iqassam imma jgħid ukoll kemm se jiswa lill-poplu Malti dan it-tqassim kollu.
Hawwadni ha nhawdek mil PN.