Il-messa in scena tal-Arċisqof Scicluna fl-Imdina
Minn qarrej ta’ dan il-blog
Nixtieq nikkummenta dwar il-messa in scena li għamel l-Arċisqof Charles J. Scicluna ġewwa l-Imdina meta ried jgħaddi minn triq li kienet temporarjament magħluqa għax kienet għaddejja press conference mill-ministru Julia Farrugia Portelli. Għalija din il-messa in scena kienet żejda u ħa ngħid għaliex. Kien atteġġjament li ħareġ l-arroganza ta’ dan il-bniedem li hu bogħod ħafna mill-umilta’ li jippriedka fuqha hu u l-Knisja Kattolika tiegħu.
Nifhem li din il-press conference kienet żejda. Nifhem li ma għandniex nagħlqu toroq biex ministru tagħmel press conference, imma naħseb li l-arċisqof jaf kemm hawn nies f’Malta li jridu jieħdu paċenzja u jkollhom jieqfu sakemm tgħaddi xi purċissjoni reliġjuża. Allaħares kulħadd jagħmel bħalu għax addio dawn il-purċissjonijiet. Illum Malta huwa stat pluralistiku u mhux kulħadd iħobb jinqabad fit-traffiku biex tgħaddi u joqgħod jistenna sakemm tgħaddi purċissjoni. Imma nies rispettużi joqgħodu jistennew sakemm tgħaddi l-purċissjoni rrispettivament jekk jemmnu jew ma jemmnux.
Waqt li din l-esebizjoni ta’ arroganza niżlet tajjeb ma’ numru żgħir ta’ nies, l-arcisqof għamel ħafna aktar ħsara lill-knisja milli ġid. Suppost hu stess jirrappreżenta l-umilta’. Ilu tant jippridka biex nobdu l-awtoritajiet waqt li b’għemilu jagħmel il-kontra.
Ma nimmaġinax li din l-imġiba kienet ser isseħħ matul il-perjodu tal-predeċessuri tiegħu, jiġifieri Cremona u Mercieca. Mercieca għadda minn ħafna burraxki koroh fi żmien Mintoff u żamm id-dinjita’ tiegħu. Kważi atteġġjament bħal dan jerġa’ jeħodna lejn il-knisja kolonjali ta’ żmien Mikiel Gonzi.
X’ma hemmx bżonn li jiġi il-Papa? Għandu bżonn jiġi u jiġi b’ħabel f’idu jagħmel bħal ma għamel Ġesu’ Kristu quddiem it-Tempju ta’ Ġerusalem.
Għall-inqas, l-arċisqof Scicluna kellu xi jgħid ma’ Ministru Julia Farrugia Portelli li sa ftit ilu kienet biċċa waħda miegħu fuq il-gayyaġni! Verament ix-xitan ma għandux ħalib u jagħmel il-ġbejniet!
Mur ara kieku din il-messa in scena għamilha xi qassis żbukkat, kemm kien joħroġ stqarrijiet malajr biex jikkundannah u jiskuża ruħu, għan-nuqqas ta’ rispett. Kieku ġa għandna l-kummissarju tal-puliżija li bagħat għalih id-depot u l-media ġa qaltilna meta u f’liema ħin ser jittella’ l-qorti akkużat b’disturb pubbliku. Ibqgħu fuq kliemi li kif kien jidher quddiem il-maġistrat, qabel ma jisimgħu, dan kien jgħidulu li int daqsi fl-eta’ u fl-eta’ tiegħek u fil-pożizzjoni tiegħek għandek tagħti eżempju tajjeb u mhux teħodha kontra l-awtoritajiet kostitwiti ta’ dan il-pajjiż, eletti demokratikament mill-poplu sovran Malti!