Bl-istess argument tal-Maġistrata Rachel Montebello, l-imħallfa Anna Felice ma għandhiex tibqa’ tisma’ l-kawżi tal-familja Caruana Galizia
Dan is-sit tkellem fit-tul dwar ir-rekuża, jiġifieri r-rinunżja li spontanjament għamlet il-Maġistrata Rachel Montebello biex tkompli tisma’ l-kawża ta’ libel li fetaħ Joseph Muscat kontra Christian Grima. Kif għidt qabel, jien mhux dieħel fil-mertu ta’ din il-kawża. Biss jimpurtani mir-raġuni li ġabet il-Maġistrata Montebello biex ma tkomplix tisma’ din il-kawża. Hija qalet li ma tistax tkompli tismagħha għaliex għandha konflitt peress li kienet fl-istess kors tal-liġi fl-universita’ ma’ Christian Grima.
Mela b’dan l-argument, wieħed issa jistenna li maġistrati u mħallfin jirrinunzjaw rwieħhom milli jkomplu jisimgħu kawżi fil-qrati tagħna ta’ persuni li kienu magħhom xi kors fl-universita’. Mela b’dan l-argument, l-imħallfa Anna Felice ma tista’ tkompli jew ma kellhiex taċċetta li tista’ l-kawża ta’ kumpens li fetħet il-familja Caruana Galizia kontra l-preżunti assassini ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan għaliex Anna Felice kienet fil-kors tal-liġi ma’ Peter Caruana Galizia. Peter Caruana Galiza flimkien ma’ uliedu fetaħ kawża għall-kumpens u din il-kawża qed tinstema quddiem Anna Felice. Infakkar li l-avukati ta’ dawk li qed jidhru għal dawk li kontra tagħhom qedha ssir din il-kawża qatt ma oġġezzjonaw li Anna Felice tkun l-imħallfa li toqgħod fuq din il-kawża għaliex ma hemm imkien fil-kodiċi ta’ prodeċedura tagħna li maġistrat jew imħallef għandu jirrekuża ruħu jekk kien l-iskola jew l-universita’ ma’ wieħed minn dawk li jkunu qed jidhru quddiemu.
Issa min irid jibqa’ jemmen f’dak li qal il-Prim Imħallef li fil-qorti l-imħallfin u maġistrati jitkellmu bis-sentenzi, jemmnu kemm irid. Żgur li fil-qrati tagħna għandna koofanija ta’ sentenzi u dan żgur mhux qed jgħin fil-kredibilita’ ta’ din l-istituzzjoni li bħal ma ġralha l-knisja, issa jmiss lilha li taqa’ waħda għall-wiċċha.