Id-Dibattitu Elettorali Universitarju u s-Saħħa Sesswali tal-Mara: Bernard Grech wera li jaqra l-artikli dwar l-elezzjoni fi Franza ppubblikati f’dan is-sit
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
Il-bieraħ waqt id-Dibattitu fl-Universita’ bejn il-mexxejja politiċi, f’mument minnhom kien hemm kwiet perfett. Kienet evidenti ċertu attenzjoni mill-Istudenti u konċentrazzjoni massima mill-erba’ mexxejja tal-partiti waqt il-mistoqsija li saritilhom apposta li ttrattat il-fehmiet bażiċi u proposti elettorali dwar id-dritt tal-ħajja, l-aċċess liberu għall-abort u l-kontraċezzjoni. Filwaqt li Carmel Cacopardo (AD+PD) kien l-aktar kelliem ċar u espliċitu fl-asserzjoni tiegħu li l-partit kien favur Id-dekriminalizazzjoni tal-abort, Il-Prim Ministru Robert Abela naturalment kien wisq aktar evażiv fit-tweġiba tiegħu. Huwa iffoka b’mod pjuttost opportunist fuq il-wegħda elettorali tal-PL (kif ġiet copied u pasted mill-PN) tal-għoti bla ħlas tal-kontraċettivi inkluża dik tal-emergenza (Morning After Pill / M.A.P.) miċ-Ċentri tas-Saħħa u Spiżeriji tal-Gvern.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech ovvjament ma kellux triq oħra ħlief dik li jerġa’ awtomatikament jaċċenna għall-istqarrija tal-fehmiet bażiċi statutorji tal-partit kif rikonfermati u approvati unanimament f’Ġunju 2020. Iżda balleċċ, hawnhekk ix-xitan deherlu li għandu jittanta jdeffes denbu waqt it-tweġiba li ta Bernard Grech. Ġara li Bernard fil-fixkla u anke probabbilment b’ċertu eċċitament b’lapsus ċar ikkwota ħażin meta semma ‘l-protezzjoni favur il-ħajja mit- ‘TWELID’ (minflok ma kif huwa sewwasew iddikjarat mill-‘Mument tat-TNISSIL / KONĊEPIMENT’) sa’ l-aħħar nifs.
Issa kieku minflok lill-kap tal-PN kienet ħarġitlu bi żvista t-terminoloġija mill-‘BIDU TAT-TQALA’ kien javviċina pjuttost aħjar lejn il-valuri sagrosanti tal-P.N. Interessanti ninnutaw kif kieku sar hekk b’din il-frażi, Dr Bernard Grech kien dlonk intelligentement jevita jerġa’ jidħol fil-kontroversja tal-proposta infami ta’ Mejju’21 u li reġa’ irrefera għaliha lbieraħ jiġifieri dik tal-‘għoti b’xejn tal-morning after pill’ lin-nisa kollha a bażi 24/7 u mill-Ispiżeriji‘. Mela dan intrinsikament ifisser b’mod kif ġie-ġie, bl-addoċċ mingħajr ebda qafas ta’ parir, kura jew support mediku parallel, partikolarment liż-żgħażagħ xebbiet inkluża dawk minorenni.
Tabilhaqq ħaġa tal-iskantament kif Bernard, anke forsi għax sab ruħu ntimidat mill-preżenza ostili ta’ fazzjoni ta’ studenti-żgħażagħ preżenti reġa’ deherlu li għandu jaċċenna għal din il-proposta kontroversjali ta’ kważi sena ilu. Dan meta żgur mhux b’kumbinazzjoni l-istess programm elettorali ‘22 apposta jevita għal kollox kull kull forma ta’ dettall f’din il-kwestjoni tal-morning after pill (pillola ormonali tal-emergenza).
Minflok Claudio Grech ġibed linja diplomatika dritta (anke jekk ġenerika u evażiva għall-aħħar) u dan permezz ta’ proposta numru 105 f’pagna 115 taħt il-kappa ta’ ‘Saħħa Sesswali’: ‘Sejrin nimplimentaw il-politika ddikkjarata tagħna dwar l-aċċessibilita’ tal-kontraċezzjoni ġħal kulhadd’.
Lejn l-aħħar tal-intervent tiegħu fis-suġġett, Dr Grech sa donnu ried jimplika li Franza rnexxilha taddotta l-miżura ta’ sigurta’ soċjali bl-għoti tal-kontraċettivi mingħajr ħlas (li issa ġia’ ġiet implimentata legalment mill-1 ta’ Jannar 2022), għax il-President Macron (LREM) kien seraq l-idea mill-proposta politika ‘ġdida’ tal-Partit Nazzjonalista ta’ Mejju li għadda. Dan hu raġunar fattwalment skorrett għal kollox kif jindika l-abbozz li deher fil-Journal Officiel tal-Gvern Franċiż ippubblikat fl- 24 ta’ Dicembru 2021:
“Il-Kontraċezzjoni ser tingħata b’xejn għan-nisa taħt is-26 sena (u mhux lin-nisa kollha) mill-1 ta’ Jannar 2022. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tan-nisa żgħażagħ għall-kontraċezzjoni, il-kopertura sħiħa tal-ispejjeż tal-kontraċezzjoni mill-1 ta’ Jannar 2022 tikkonċerna lin-nisa kollha sal-età ta’ 26 sena u mhux aktar biss lill-tfajliet minuri. Din il-miżura hija prevista fl-Att dwar il-Finanzjament tas-Sigurtà Soċjali għall-2022 ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-24 ta’ Diċembru, 2021.”
“L-estensjoni tal-kontraċezzjoni b’xejn għal nisa żgħażagħ taħt is-26 hija motivata mit-tnaqqis fl-użu tal-kontraċezzjoni, ħafna drabi marbuta ma’ raġunijiet ta’ problemi finanzjarji.”
“Mill-1 ta ‘Jannar 2022, l-Assigurazzjoni tas-Saħħa Franċiża tkopri dan 100% u mingħajr ħlas bil-quddiem flimkien mal-ispiża tal-proċeduri relatati mal-konsultazzjoni kull sena ma’ tabib jew qabla u eżamijiet mediċi. Fil-prattika, nisa żgħażagħ Franċiżi taħt is-26 sena issa għandhom aċċess liberu għal tipi differenti ta’ kontraċezzjoni (pilloli ormonali tal-ewwel jew tat-tieni ġenerazzjoni, impjanti ta’ kontraċezzjoni ormonali, IUD, kontraċezzjoni ormonali ta’ emerġenza) flimkien ma’ eżami mat-tabib jew qabla, testijiet bijologići u proċeduri relatati mal-kontraċezzjoni.”
Sal-1 ta’ Jannar 2022, il-kontraċezzjoni b’xejn kienet tikkonċerna BISS lill-xebbiet minuri. Il-kontraċezzjoni ilha bla ħlas għall-bniet ta’ bejn il-15 u t-18-il sena mill-2013 u minn Jannar 2020 saħansitra għall-minuri taħt il-15-il sena. Issa sa’ 3 miljun mara żagħżugħa Franċiża jista’ tibda tgawdi minn din il-miżura.
“Esklużi formalment minn dan is-servizz soċjali Franċiż huma l-kondoms maskili u femminili, kremi spermiċidali, ċrieki vaġinali u pilloli kontraćettivi tat-3 u 4 ġenerazzjoni .”
Altru li Franza ma kelliex għalfejn tistenna l-aħħar proposti ġeneriċi tal-Partiti Populisti Maltin partikokarment fejn għandha x’taqsam is-Saħħa Sesswali tal-mara. Imma għall-inqas, Bernard Grech wera li qed jaqra dawn l-artikli għaliex dawn il-miżuri fi Franza kienu suġġett ta’ artikli li dehru f’dan is-sit. Ta’ dan nixtieq nirringrazzja lil Bernard Grech talli jsib ħin jaqra l-artikli tiegħi.
