L-infieq mill-Partit Politiċi f’riklami fuq google
Minn osservatur politiku
F’dawn l-aħħar tliet snin, Google qed jipprovdi l-faċilita’ li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jara kemm intefqu flus mill-partiti politiċi fir-reklamar fuq Google u YouTube. Skont Google Transparency Report, mit-13 ta’ Frar 2022 sat-8 ta’ Marzu 2022, il-Partit Laburista nefaq €62,250 filwaqt li l-Partit Nazzjonalista nefaq €126,750. Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ċar li l-Partit Nazzjonalista qed jonfoq id-doppju tal-Partit Laburista fuq riklamar fuq is-social media. Dan meta l-Partit Nazzjonalista dejjem jgħid li ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom flejjes x’jonfqu bħal ma għandu l-Partit Laburista. Mela kieku għandhom x’kienu jagħmlu f’riklamar allura?
Kulħadd jaf li l-Partit Nazzjonalista hu mifni bid-djun li għandu. Kull entita li tissemma bħal ARMS u oħrajn issib li għandhom xi arranġament biex jaqtgħu d-djun. Biss imbagħad biex isiru kemm Alla ħalaq riklami fuq is-social media, dak hemm flus u ma hemmx inkwiet. Ħallihom ħa jonfqu la qed isiru l-maratoni u qed jinġabru l-flus. Imma l-flejjes kbar li qed jintefqu fil-pagi ta’ kull xahar bil-fors li joħdulhom il-biċċa l-kbira ta’ dawk l-ammonti li jinġabru u ma tantx jibqa’ x’jista’ jintefaq fuq kampanja elettorali.
Allura wieħed jistaqsi, kif jista’ Partit li mifquh bid-dejn jagħmel daqshekk riklamar u jħallas dawk l-ammonti? X’inhu l-ħsieb wara dan kollu, ejjew nibqgħu nonfqu imbagħad wara naraw jew min jiġi warajna jieħu ħsieb hu? Kif għandek Partit fil-Gvern li skond in-Nazzjonalisti hu mogħni bil-flus jonfoq in-nofs ta’ min suppost ma għandux flus?
It-tmexxija kurrenti għandha toqgħod aktar attenta kif timmaniġġja l-flus li ma għandiex ħalli ma jibqax tiela d-dejn. Ma jistax ikun li timxi mal-ħsieb li illum tonfoq imbagħad għada naraw. Jekk ma jibqgħux huma fit-tmexxija, ser jiġu oħrajn u kull min jiġi jkun jixtieq li jkollu finanzi kontrollati u mhux jintilef għal kollox il-kontrol fuq kif jintefqu l-flus li jinġabru.