Għal darba oħra Mario de Marco ma jkunx mistieden biex jiddibatti mal-Ministru tal-Finanzi
Il-Malta Chamber ser torganizza diskussjoni bejn il-Partiti. Min-naħa tal-Partit Laburista ser ikun hemm il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana. Jippreżenta lill-Oppożizzjoni ser ikun hemm Graham Bencini. Din hija t-tieni diskussjoni tal-Ministru tal-Finanzi ma’ rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar ġranet. Ser naraw wiċċ ġdid jiddiskuti l-finanzi u x-xogħol min-naħa tal-Oppożizzjoni. U dan qed isir fi ftit ġranet biss għaliex id-diskussjoni ta’ qabel din saret f’dawn l-aħħar jiem.
Imma mill-ewwel wieħed jistaqsi, fejnu l-kelliem għal-finanzi tal-Partit Nazzjonalista ta’ matul il-leġislatura li qed tispiċċa? Kif għat-tieni darba Mario de Marco ma jidhirx f’dawn id-diskussjonijiet? Għaliex ser jerġgħu jibgħatu prinċipjant jiddibatti ma’ bniedem teknokratiku li sab postu fil-parlament għax huwa fil-fatt teknokratiku, anki jekk f’dan il-każ Bencini għandu knowhow tajjeb fuq dan il-qasam.
Meta jkollok rappreżentant tal-Partit fil-Gvern li huwa teknokratiku trid tara kif tagħmel li tibgħat xi ħadd li għandu l-esperjenza fis-suġġett diskuss u mhux prinċipjant. U għaliex inbidlet il-persuna li fl-aħħar dibattitu kienet marret biex tiddiskuti ma’ Clyde Caruana? Għaliex din id-darba ma ntbagħatx Jerome Caruana Cilia kif sar l-aħħar darba? Mela l-Partit Nazzjonalista ser joqgħod jagħmel xi lotterija bejn in-nies li jistgħu jkunu denji li jirrappreżentawh?
Tgħid il-Partit Nazzjonalista qed jaqra dawn il-blogs u l-kritika li qed nagħmel u qed jieħu pariri minnha? Dawn huma deċiżjonijiet li ma jirriflettux tajjeb mal-elettorat lejlet elezzjoni ġenerali meta l-messaġġ li qed jintbagħat huwa li l-Partit Nazzjonalista qed jesperimenta fuq min għandu jkun il-kelliem fuq il-finanazi, dejjem jekk jitilgħu fil-Parlament. Dan il-logħob bl-uċuh ma jagħtix sentiment ta’ rappreżentanza soda min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.