Kieku l-Partit Nazzjonalista kien verament konservattiv, kieku l-lum qiegħed fit-triq biex jerbaħ l-elezzjoni
Meta kien qed jirrispondi l-mistoqsijiet minn ġurnalist it-Tnejn filgħaxija, Bernard Grech ammetta li l-pożizzjoni konservattiva tal-Partit Nazzjonalista fuq ċerti suġġetti setgħet telfet xi voti tal-votant żgħażugħ u tal-liberali. Huwa kien qed jitkellem wara li ġie mistoqsi jekk il-pożizzjoni meħuda dwar id-divorzju, l-abort u riċentament il-cannabis setgħu kellhom effett ħażin fuq l-elettorat. Fil-verita’ jidher li Bernard Grech ma jafx x’inhu jgħid.
Mhux il-pożizzjoni konservattiva qed ittellef lill-Partit Nazzjonalista imma s-support tal-aġenda liberali. Din l-aġenda li kissret lill-Partit Nazzjonalista u ġabitu l-partit tal-mibgħeda. Jekk ser jibqa’ fuq din it-triq tal-liberali, il-PN ser jirreduċi ruħu għall-partit ta’ għaxra fil-mija tal-elettorat. Il-Partit Nazzjonalista qed jitlef il-voti minħabba diskorsi mgħaġġlin u żejda li qed jagħmel il-kap tal-partit biex jipprova jakkomoda din l-aġenda. Il-kap qed jagħti interpretazzjoni jew pożizzjoni kontrastanti l-ħin kollu. Intqal ħafna diskors u ttieħdu pożizzjonijiet qabel ma jkunu għadhom ġew diskussi fil-fora tal-partit fejn ried ikun hemm ftehim fuq il-pożizzjoni li kienet ser tittieħed mill-Partit Nazzjonalista.
Ħaġa oħra li tellfet hija it-tibdil ta’ pożizzjonijiet meħuda mit-tmexxija tal-partit. Ma jistax ikun li jkollok lil Bernard Grech illum jiddikjara pożizzjoni u l-għada jerġa’ jibdilha. Hekk ġara kemm fuq l-abort kif ukoll fuq il-cannabis. Id-deputati kellhom biżżejjed tagħlima fuq kif kienet tmexxiet l-għajta tad-divorzju. Inċidentalment, il-Partit Nazzjonalista ma marx ħażin f’dak ir-referendum għaliex kellek ħafna Laburisti li għall-ewwel darba ivvutaw miegħu. Minflok żammhom, ħalla lil Daphne Caruana Galizia tgħajjarhom b’isem il-liberalizmu ġdid li tal-Partit Nazzjonalista!
Dawn il-liberali qasmu lill-Partit Nazzjonalista. Fil-kampanja tad-divorzju, il-Partit Nazzjonalista kien partit maqsum u spiċċa biex anke fis-siegħa tal-prova nqasam il-vot u minflok tkisser l-avversarju, tkisser l-istess Partit Nazzjonalista. Kif tista’ tmexxi partit b’deċiżjonijiet konfliġġenti mid-deputati tiegħek stess? Kif tista’ tiġġieled is-sitwazzjoni b’ħafna messaġġi differenti? U hekk jiġri llum fuq l-abort, kif ukoll fuq il-cannabis.
Bernard Grech ma jistax ipoġġi lilu nnifsu jidher li qiegħed kemm ma’ Alla kif ukoll max-xitan. Ma tistax tiddikjara li int kontra l-abort u fl-istess ħin tgħid li lest li tiddiskutih. Ma tistax tgħid li int kontra l-qtil tal-innoċenti, kif fuq kollox jgħid l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, u tkun spalla ma’ spalla ma’ nies li fil-miftuħ jgħidu li huma favur l-abort. Ma tistax taċċetta fostok kandidati li diġa’ ddikjaraw li huma favur l-abort.
Nippreferi li jkolli pożizzjoni konservattiva, imma ċara, milli nibdel il-pożizzjoni tiegħi skond ma’ min inkun qed nitkellem jew skond kif jaqbel dak il-ħin. Il-votant jippreferi jkun jaf x’pożizzjoni soda ser jieħu l-partit fuq kwalunkwe suġġett milli joqgħod jara lill-istess partit qisu qasba tixxejjer mar-riħ. Araw ftit kif isir kollox biex jattiraw il-voti.
Bernard Grech kien iddikjara li hu u l-grupp parlamentari tiegħu kienu kontra l-liġi tal-cannabis. Nhar it-Tnejn qal li hu mhux ser jirrevoka l-istess liġi, imma jirranġa fuqha u jnaqqas il-ħsara li tista’ jkollha fuq is-soċjeta’. Għal darba oħra Bernard Grech reġa’ mar kontra dak li tkellem dwaru fil-parlament meta kienet qed tiġi diskussa l-liġi. X’tippreferi li jkollok politika konservattiva soda jew li toqgħod tilgħab bil-pożizzjoni tiegħek għall-platea bħal ma qed jagħmlu l-liberali tal-Partit Nazzjonalista?
Jiddispjaċini ngħid, imma Bernard Grech l-anqas jaf x’inhuma l-valuri konservattivi aħseb u ara kemm ser iħaddanhom.