Il-media tal-knisja tingħaqad mal-establishment Nazzjonalista kontra Robert Arrigo
Jidher ċar li l-media tal-Knisja f’Malta, Newsbook, ingħaqdet mal-establishment Nazzjonalista kontra Robert Arrigo. Dan ħareġ ċar il-bieraħ f’artiklu li ġie ippubblikat fuq is-sindku tan-Naxxar Marieanne Muscat Fenech Adami.
Il-ġurnal diġitali Strada Irjali ħareġ bl-aħbar li l-Kummissjoni tal-Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista ma sabet l-ebda żball fil-komportament tas-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar meta vvutat fuq żvilupp skont kif kien ġie deċiż fil-laqgħa tal-kunsill u mhux skont kif ried xi bażużlu fid-Dar Ċentrali. Dan wassal biex infetaħ attakk kontra tagħha u Bernard Grech talabha saħansitra biex tirreżenja. Marieanne Muscat Fenech Adami rrifjutat.
Bis-soltu strateġija tiegħu, meta toħroġ xi aħbar li tikxef il-qerq, il-Partit Nazzjonalista ipprova jnaqqas il-ħsara billi jattakka lura lill-persuna konċernata. Din id-darba sab forċina fil-gazzetta diġitali tal-Knisja Kattolika Maltija. Mhux biss din l-gazzetta ppruvat tgiddeb din l-aħbar u tgħid li l-kummissjoni sabet nuqqasiet fl-imġieba ta’ Marieanne Muscat Fenech Adami imma anki żefnet fin-nofs lill-viċi-kap tal-Partit, Robert Arrigo u bħal ma jagħmlu t-tabloids, bniet storja fuq ritratt li Arrigo ħa ma’ Muscat Fenech Adami u kliem ta’ inkoraġġament li qal lil Marieanne Muscat Fenech Adami.
Fi kliem ieħor, il-ġurnal tal-Knisja qalilna li l-kummissjoni ta’ dixxiplina u etika sabet nuqqasijiet fl-imġieba tas-Sindku tan-Naxxar Marieanne Muscat Fenech Adami u mbagħad tatna byline fejn fih ddeffes Robert Arrigo. Il-gazzetta diġitali tal-isqfijiet Maltin qaltilna li Arrigo ħa ritratt ma’ Marieanne Muscat Fenech Adami waqt Rally tal-Partit Nazzjonalista u qal lis-sindku Nazzjonalista tan-Naxxar li hija “one of us”. Jidher ċar li l-establishment ma jridux lil Marieanne Muscat Fenech Adami fil-Partit Nazzjonalista.
Muscat Fenech Adami mhux mal-blue heroes u tidher li l-anqas hija parti mill-grupp tal-liberali fil-Partit Nazzjonalista li jridu jdaħħlu l-abort f’pajjiżna. Kieku kienet magħhom, il-gazzetta tal-Knisja Kattolika f’Maltija ma kienetx tattakkaha.