‘Min kisser, min farrak, ma jistax isewwi’: kliem tad-deheb minn Chris Said

Kliem tad-deheb dak li qal Chris Said fil-programm Ħerġin fuq Net TV. Dan huwa programm magħmul biex kulħadd isir jaf mill-qrib il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista. F’mument minnhom Chris Said qal il-kliem: ‘min kisser, min farrak, ma jistax isewwi’. Ovvjament hu kien qed jirreferi għall-Gvern Laburista.

Dan hu kliem li jgħodd ukoll għal dawk li kissru u farrku lill-Partit Nazzjonalista. Dan jgħodd għal dawk kollha li ħaduha kontra bniedem li kien rebaħ it-tellieqa għal kap bl-aktar mod demokratiku u bl-aktar mod miftuħ possibbli. Infakkar li għal tliet snin sħaħ, grupp ta’ deputati u uffiċjali fil-Partit Nazzjonalista għamlu gwerra sakemm waslet il-ġurnata li jwarrbuh.

Għalhekk waqt li nħoss li dan il-kliem, minn Chris Said, hu kliem tad-deheb, ħafna jagħrfu  li f’dawn l-aħħar snin ittieħdu ħafna deċiżjonijiet fil-Partit Nazzjonalista maħsuba biex jitkissru n-nies. B’hekk nemmen li d-diskors bħal dan mhux qed jiġi emmnut mill-elettorat jew qed ikun interpretat bil-kontra.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jibda billi jammetti d-deċiżjonijiet ħżiena li ħa u kemm aġixxa ħażin mal-partitarji tiegħu stess. Kemm għamel ħsara lil min offra s-servizzi tiegħu lill-istess partit. Il-Partit Nazzjonalista jrid jibda billi jammetti li għamel attakki sfrenati fuq in-nies tiegħu u dan ġabu f’qagħda, li wara għaxar snin fl-oppożizzjoni għadu ma jistax imur fil-gvern. Meta jasal biex jammetti dawn l-iżballji, dan il-partit isir ħafna iktar aċċettabbli mal-elettorat.

Il-Partit Nazzjonalista qed jidher bħal dak li rrefera għalih Kristu, jiġifieri jrid jara l-fraka f’għajn ħaddieħor u ma jħossx it-travu f’għajnejh. Ma jistax dan il-partit jitkellem u jippretendi li jkun hemm min jagħti kasu, meta ħsiebu biss biex jipponta subgħajh lejn ħaddieħor.

Fil-ħajja trid tammetti dnubietek u taċċetta l-fatt li fil-ħajja politika anke int tkun għamilt żbalji li mhux faċli li jintesew minn min ikun qed isegwi l-politika u bata minnhom. Il-mistoqsija li ħafna partitarji qed jistaqsu hija min ser isewwi l-ħsara kollha li saret man-Nazzjonalisti? Jiddispjaċini ngħid li Bernard Grech ma kienx kapaċi jsewwiha.

Dak li ġara f’dawn l-aħħar ħames snin kien li grupp ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista ġabu lil dan il-partit għarkubbtejh. Issa wasal il-mument li min għamel il-ħsara jwarrab u jekk ma jwarrabx ser jitwarrab. Nittama li l-votant Nazzjonalist jiftakar f’dawn l-oxxenitajiet li saru u jżommhom f’moħħu meta jkun qed iniżżel in-numri fuq il-karta tal-vot.

Fil-kliem ta’ Chris Said għandna r-raġuni għala l-Partit Nazzjonalista mhux eleġġibbli għaliex ħafna fl-elettorat qed jaraw fih dak il-partit li kisser in-nies u issa ma jridux jafdawh bil-vot tagħhom. Fi kliem, ieħor, min kisser lin-nies ma hux qed jiġi fdat biex isewwi t-tkissir li sar.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *