Hija Malta mitqiesha mir-Russja bħala pajjiż ostili ?
Illum il-ġurnali tawna l-aħbar li r-Russja ddikjarat li l-Unjoni Ewropea bħala pajjiż ostili għaliha. Magħha hemm numru ta’ pajjiżi oħra li ġew mqegħda f’din il-lista ta’ pajjiżi ostili għar-Russja.
Malta ma tissemmiehx speċifikament. Imma Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea. Naħseb li nkun qed nagħmel konklużjoni korretta meta ngħid li llum Malta hija mitqiesha bħala pajjiż ostili għar-Russja.
Dan jikkonferma kemm hu importanti l-Uffiċju jew il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Dan hu ministeru li jrid jerġa’ jinbena mill-ġdid. Dak li qed jiġri fl-Ukraina juri l-importanza tiegħu.
Malta llum hija f’salib it-toroq. X’ser tagħmel? Ser iżżomm mal-istatus tagħha ta’ pajjiż newtrali jew ser tidħol fl-alleanza militari? Il-fatt li hija fl-Unjoni Ewropea, l-alleanza ġa ġiet stabbilita’ minn qabel. Il-linja tal-Ewropa f’din il-gwerra kulħadd jaf x’inhi. Hija fuq l-istess linja man-Nato. Il-pressjoni li qed issir hija li n-NATO issir il-forza awtomatika tal-Unjoni Ewropea.
Biss wieħed jistaqsi kif ser jintlaqgħu dawk il-Maltin li qegħdin f’business mar-Russja? Meta r-Russja ddikkjarat li Malta issa hija mitqiesha bħala pajjiż ostili jfisser li l-Maltin ma jistgħux jagħmlu aktar kummerċ mar-Russja.
Fuq kollox, fuq livell diplomatiku, meta pajjiż jiddikkjarak ostili, jkun ifisser li qed jgħidlek li dak l-pajjiż hu għadu tiegħu. Dikjarazzjoni bħal din hija eskalazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ewropa. Dan ifisser li Malta trid tara kif ser timxi minn hawn ‘il quddiem.

Matul dan l-aħħar snin, Malta ġie użata militarment minn Franza, l-USA u anki Israel. Fi żmien Dom Mintoff, f’Malta kienet ġiet il-Missjoni Italjana li telqgħet xi tliet snin ilu. Biss eżerċizji militari mal-Italja, Spanja etc għandhom isiru, apparti n-numru ta’ suldati Maltin li jmorru training kemm Sandhurst fil-UK u l-Amerika. Imbagħad hemm il-fatt li Malta għad għandha rabta, ftit jew wisq mal-Ingileterra u hija parti mill-Commonwealth. Il-pożizzjoni tal-gvern Ingliż f’din il-gwerra hija magħrufa u bla kantunieri. Hija pożizzjoni kontra r-Russja.
Fejn ser tmur id-diplomazija Maltija f’dan il-konflitt?