Din l-elezzjoni qed toħroġ l-ipokreżija tat-Times favur Bernard Grech waqt li tkun imbuttata l-agenda tal-ewtanasja
Taqra’ artiklu fuq it-Times of Malta u jġagħalek tirrifletti kemm inqaleb il-mod li jittrattaw lill-kap tal-Partit Nazzjonalista. Niftakru tajjeb kif kienu jittrattaw lil Adrian Delia. Illum naraw id-differenza enormi li biha qed jittrattaw ma’ Bernard Grech. Bla ma trid ikollok tiftakar kemm tkażaw u ħarġu fil-beraħ kwestjonijiet familjari ta’ Adrian Delia. Dwar Adrian Delia t-Times kienet tikxef kemm tiflaħ affarijiet privati biex jippruvaw ikissru bihom. Adrian Delia ma setax jiċċaqlaq għax azzjonitu kienu qed jiġu mxerrdin mal-erba’ t’irjieħ minn diversi gazzetti.
Illum naraw atteġġjament totalment differenti ma’ Bernard Grech. It-Times qed jippruvaw jibnu lil Bernard Grech. Huma qed ipinġuh bħala vittma u qed jitkellmu ħafna fuq l-att uman tiegħu. Dan ħareġ ċar f’artiklu li ppubblikat it-Times meta tkellmet dwar l-ammissjoni ta’ qsim il-qalb li għamel Bernard Grech għal mod kif ommu qed tiffaċċja ħajjitha minħabba l-eta’.
Komplew jitkellmu dwar kif jaħsibha Bernard Grech dwar l-euthanasia. It-Times kitbet x’qal Bernard Grech li dan is-suġġett ma għandux ikun suġġett f’kampanja elettorali. X’inhu l-iskop tat-Times li qed tonfoħ ħafna kull ma jgħid, kull ma jagħmel u kull ma jiddikjara Bernard Grech?
Ovvjament joħroġ ċar kemm qed tkun minn ta’ quddiem din il-gazzetta biex tpinġi b’kuluri sbieħ kull ma jagħmel Bernard Grech. Bil-fors ikollok tagħmel paragun ma’ dak li kien jiġri matul it-tliet snin li għamel fit-tmexxija Adrian Delia.
Lil Delia kienu jtertqulu kull ma kien jipprova jimbotta ‘l quddiem. L-aġenda ta’ Delia kienet qisha xi ħaġa mxajtna u ma setgħet issib qatt l-appoġġ ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet. Delia kien dellu tqil għat-Times of Malta. Ma seta’ jagħmel xejn tajjeb.
Illum, u forsi tajjeb ukoll, kull ma jistqar Bernard Grech huwa mużika ħelwa li t-Times tieħu gost ixxandar u tippubblika. Ma hemmx x’tagħmel, imma nħallu f’idejn il-qarrejja biex jifhmu u jirrealizzaw id-differenza fl-atteġġjament bejn iż-żewġ kapijiet minn din il-gazzetta li darba kienet istituzzjoni ġewwa pajjiżna.
Kemm infakkar lil The Times li d-dimenzja hija realta’ ta’ ħafna. Jien ukoll għaddejt minn din l-esperjenza. Allura x’tagħmel – għax ommi ma kienetx għadha tagħrafni kelli mmur noqtolha? Aħna bħala familja ħallejna lin-natura tagħmel il-proċess tagħha fl-ikbar dinjita’ umanament possibbli.