Where your opinion counts

Lovin Malta jirtiraw dak li qalu dwar Adrian Delia u r-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech

Il-Lovin Malta ppubblikaw kjarifika b’referenza għall-artiklu li kienu tellgħu bl-isem ta’ “Yorgen Fenech Claimed Adrian Delia Messaged Him During 17 Black Debate.” Huma qalu li jridu jikkjarifikaw li l-artiklu ma kienx intenzjonat biex jafferma li Dr Adrian Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech u kien irrappurtat b’mod ċar li Fenech kien għamel din l-allegazzjoni lil terżi persuni.

Fil-fatt kien iddikjarat li Yorgen Fenech kien għamel din l-allegazzjoni lil terzi persuni u l-artiklu kien serraħ prinċiparjament fuq din l-allegazzjoni, kif kienu magħrfin biha Lovin Malta minn dawn it-terzi persuni. Fi kliem ieħor, l-anqas ma kien Yorgen Fenech li qalha, imma xi ħadd qal li Yorgen Fenech qal li Adrian Delia bagħatlu messaġġ. Imbagħad dan ix xi ħadd ma kienx kapaċi juri ismu.

Lovin Malta kompliet tgħid li min-naħa tagħhom, huma ma vverifikawx din l-allegazzjoni magħmula lilhom minn dawn it-terzi persuni ma’ Dr Delia, għalkemm ivverifikaw li l-allegazzjoni kienet ġiet tassew magħmula. U l-anqas ippruvaw jivverifikaw ma’ Yorgen Fenech li konvenjentament baqa’ jinżamm il-ħabs ħalli ma jkunx jista’ jiddefendi lilu nnifsu u jsir kuntatt miegħu.

Lovin Malta komplew jgħidu li huma ddispjaċuti li jaraw li l-artiklu seta’ ġie mifhum ħażin u ġie miftiehem bħala allegazzjoni ta’ xi ħaġa ħażina min-naħa ta’ Dr Delia. Imma din ma kienetx l-intenzjoni tal-Lovin Malta.

Niftakru tajjeb kemm inqala’ kjass wara dan l-artiklu ta’ Lovin Malta u kemm intqal li Adrian Delia kien f’kuntatt dirett ma’ Yorgen Fench. Dr Adrian Delia kellu jiftaħ kawża lill-ġurnalisti tal-Lovin Malta u kemm kien hemm il-“holier than thou” li tkellmu u tkażaw li politiku fetaħ kawża lill-ġurnalisti. Anzi insistew li Adrian Delia qatt ma kellu jiftaħ kawża kontra l-ġurnalisti. Kieku Adrian Delia ma fetaħx din il-kawża kieku kollox kien jibqa’ miftiehem kif kienu ħarġu l-artiklu l-Lovin Malta u kulħadd kien jibqa’ b’li ħa. Illum tidher ċar li din kienet gibda fuq Adrain Delia u Yorgen Fenech.

Imbagħad kellna aktar minn hekk meta għal darba oħra l-holier than thou attakkaw b’kummenti sarkastiċi għax Dr Delia kien għamel il-kontro-eżami lill-ġurnalista kkonċernat waqt is-smiegħ tal-libel. Kemm kellna messaġġi fuq twitter u postijiet oħra, speċjalment minn Therese Comodini Cachia li skandalizzat ruħha għax Dr Delia kien iddefenda lilu nnifsu fil-qorti. X’ippretendit din l-eks-deputat fl-istess partit u waħda mill-avukati tal-familja Caruana Galizia, li Dr Delia jħalli lix-xhud quddiemu jgħid li jrid jew li ma jiddefendix ruħu minn xi ħaġa li issa sirna nafu li kienet gidba li qal xi ħadd u mbagħad ma kellux il-kuraġġ juri ismu?

X’se tgħid issa Therese Comodini Cachia wara din il-kjarifika ta’ Lovin Malta? Se tiskuża ruħha ma’ Dr Delia għal paroli vojt li qalet? Ma naħsibx. Din l-istorja tkompli tikkonferma li l-akkużi kontra Yorgen Fenech huma mibnija fuq premessi foloż.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *