Karol Aquilina jiftakar li jeżisti l-għaxar distrett elettorali
Blog post minn osservatur politiku
Jidher ċar li Karol Aquilina huwa ppanikjat li mhux ser jagħmilha f’din l-elezzjoni ġenerali. Dan għaliex ħa għalih li l-Partit Laburista daħħlu f’poster politiku fejn qed ikun impinġi bħala politiku tal-passat.

Imma dan ma kienx l-uniku post li tella’ Aquilina li qed juri li huwa ppanikkjat. Trid bil-fors tkun darek mal-ħajt biex tasal ittella’ post qabel fuq il-Facebook biex tfaħħar lil xi ħadd li wara li eleġġejtu, ma tantx baqajt tara għajn ma’ għajn miegħu. Hekk għamel Karol Aquilina. Spiċċa tella’ post b’idejh fuq l-ispalla ta’ Bernard Grech u jgħaddi messaġġ li fil-ġranet li ġejjin nistgħu niktbu paġna ġdida. Karol Aquilina qalilna:
“kemm jiena kburi li flimkien ma’ dan ir-raġel qed jirnexxielna noffru alternattiva mill-aqwa għal pajjiżna u għall-poplu kollu tiegħu.”
Aquilina qed jgħidilna li hu kburi li qed jaħdem ma’ Bernard Grech għalkemm ma semmiehx b’ismu imma jirriżulta mir-ritratt. Aquilina qed jiftaħar li qed joffri alternattiva mill-aqwa għal pajjiżna. Donnu hu qed jagħmel kollox. Donnu hu li kiteb il-manifest elettorali. Donnu hu li qed jiddibatti kontinwament fuq programmi televiżivi. Donnu hu li qed joħroġ b’xi messaġġi tajbin biex iħajjar ħafna nies jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Imbagħad kompla jgħid hekk fil-messaġġ tiegħu:
“Fis-26 ta’ Marzu, bil-vot tiegħek, nistgħu niktbu paġna oħra mill-isbaħ fl-istorja tagħna b’Bernard Grech Prim Ministru.”
Naħseb dan huwa messaġġi li qed jgħaddi lill-votanti tal-għaxar distrett fejn dan l-aħħar rajnieh iħabbat il-bibien. Lanqas biss staħa jersaq lejn l-għaxar distrett fejn ma resaq qatt fil-ħames snin li ilu membru tal-Parlament. Infakkar li hu fil-Parlament grazzi għal voti li ġabar minn dan id-distrett. Imma qed jgħid li bil-vot tan-nies ta’ dan id-distrett, il-votanti jistgħu jiktbu miegħu paġna sabiħa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Forsi ried jgħid ukoll li ser ikunu qed jiktbu paġna ġdida fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista għax jaf li ser jibqa’ msemmi għar-rewwixta li hu u sħabu għamlu kontra l-kap tagħhom. Iktar ser ikollu ċans jitniżżel fl-istorja għat-tradiment li hu mexxa kontra Dr Adrian Delia, li kien il-Kap tiegħu u ta’ sħabu. Żgur li se jibqa’ msemmi fl-istorja tal-partit għad-daqqiet politiċi li huwa fajjar kontra min suppost kellu jkun qed jaħdem miegħu.
Nesa’ Karol Aquilina li bl-atteġġjamenti tiegħu kixef idejh kemm-il darba li ma tantx kien jinsab kuntent bit-tmexxija ta’ l-istess Bernard Grech. Taf x’inhu tal-iskantament li qatt ma smajnieh ilissen kelma fuq is-surveys li saru f’dawn l-aħħar ħmistax-il xahar, mhux bħal ma kien jagħmel f’kull survey li kien joħroġ meta kien hemm Dr. Adrian Delia bħala Kap.

Zewg skaduti.