Is-surveys tal-Ħadd li għadda qed jinkwetaw lill-PN: niżvelaw il-messaġġ li nbagħat lill-eks-deputati u lill-kandidati Nazzjonalisti

Dan is-sit jista’ jiżvela li s-surveys ta’ nhar il-Ħadd inkwitaw sewwa lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Inkwetawhom tant li ħassew li għandhom jinfurmaw lill-eks-deputati u kandidati kif għandhom jilqgħu għal dawn ir-riżultati. Jidher ċar li Chris Peregin deherlu li għandu jibgħat messaġġ biex l-kandidati u l-ex-deputati jkunu f’unjoni ta’ kif għandhom jwieġbu għal xi kritika fuq is-surveys.

F’dan il-messaġġ intqal li l-istħarriġ tal-Malta Today kien inkoraġġanti, imma it-tnejn l-oħra qed jibgħatu sinjali differenti. Għalhekk il-messaġġ ħeġġeġ lill-kandidati biex jużaw ir-riżultat li ħareġ fil-Malta Today għall-kuraġġ u l-inkoraġġiment, imma fakkarhom li ma jistgħu qatt jinsew li t-tellieqa hija waħda għat-telgħa għalihom bħala Nazzjonalisti.

Il-messaġġ kompla jgħid li n-Nazzjonalisti ma jistgħux iħossuhom ferħanin jew triumfanti bir-riżultat li ħareġ fil-Malta Today. Anzi kompla jgħid li jridu jibqgħu iżommu saqajhom mal-art u jkomplu jitkellmu man-nies. Ħeġġeġ lill-kandidati biex ikomplu jispjegaw il-viżjoni għal Malta tal-Partit Nazzjonalista mingħajr ma juru arroganza jew jagħtu x’jifhem li huma għandhom xi dritt divin li jkunu fil-Gvern. Il-messaġġ kien bl-Ingliż u l-kliem użat kien “arrogance” u “entitlement”.

Possibbli issa qed jippruvaw jinżgħu mill-arroganza wara daqshekk snin fejn din kienet il-hallmark tal-Partit Nazzjonalista? Issa, lejlet elezzjoni qed jipprovaw jgħidu biex ma jużawx l-arroganza li tefgħet il-Partit Nazzjonalista bl-abbissi!

Il-messaġġ kompla jemfasizza li fil-komunikazzjoni tal-kandidati man-nies irid ikompli jasal il-messaġġ li l-iktar stħarriġ importanti ser isir fis-26 ta’ Marzu, dak in-nhar tal-elezzjoni. Biss imbagħad ġie emfasizzat li meta bdew fit-tmexxija, jiġifieri meta Peregin u Bernard Grech ħadu l-Partit Nazzjonalista f’idejhom, is-sitwazzjoni kienet qed turi li kienu 40,000 u aktar minn taħt. Xi ifisser dan? Dan ifisser li biddlu d-diskors politiku kollu.

Issa qed jgħidu li n-numri baqgħu l-istess. Allura ma għandniex għalfejn nikkritikaw lil Bernard Grech li ma naqqasx id-distakk. Infakkar li sa ftit ilu, Bernard Grech kien qed jgħid li rnexxielu jnaqqas id-distakk. Jidher li issa kollox tar mar-riħ. Mela issa qed jitkellmu li Bernard Grech beda 40,000 minn taħt. Fi kliem ieħor, Peregin qed jipprova jipprepara lill-kandidati għal telfa massiċċa oħra. Qed jipprovaw jgħid li jekk ir-riżultat tal-elezzjoni joħroġ fuq dawn in-numri, kemm Bernard Grech kif ukoll huwa, għandhom jibqgħu fit-tmexxija tal-partit għax ma jkunux marru lura, imma żammew in-numru tal-voti kif kienu sabuh meta daħlu fit-tmexxija.

Peregin qed iwitti t-triq mal-kandidati kollha li hu u l-kap tiegħu lesti li jibqgħu fit-tmexxija anke jekk jitilfu b’40,000 vot u aktar. Għalhekk dan il-messaġġ ġie msaħħaħ bil-kliem ta’ nkoraġġament lill-kandidati biex jiffukaw fuq il-viżjoni tal-partit li hija waħda trasformattiva. Kompla isostni li hemm importanza kbira li l-Partit Nazzjonalista jerbaħ għal Malta ħalli ikun jista’ jsewwi r-reputazzjoni tal-pajjiż. Kompla jindika li jrid jintuża l-argument li b’Partit Nazzjonalista biss ħadd ma’ jibqa’ lura.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *