Il-gwerra fl-Ewropa: perspettiva Franċiża fuq allert nukleari Russi magħruf bħala “forza ta’ deterrenza”
Analiżi minn Dr Hermann Farrugia
Il-bieraħ il-Ħadd, 27 ta’ Frar, fir-raba’ jum tal-invażżjoni tal-Ukrajna, Vladimir Putin iddeċida li jpoġġi fuq allert il-“forza ta’ deterrent” tal-armata Russa. Din tinkludi komponent nukleari. Il-President Russu ġġustifika din id-deċiżjoni minħabba dak li ddeskriva bħala “dikjarazzjonijiet uffiċjali provokattivi u ostili tan-NATO”. Huwa deher urtat sew meta kkritika wkoll is-sanzjonijiet ekonomiċi kkoordinati mill-qawwiet tal-Punent u li ttieħdu kważi immedjatament u b’mod mastiċċ kontra r-Russja u sa’ sejħilhom “illeġittimi”.
Mela X’fiha din il-forza ta’ deterrent u x’inhu eżattament l-għan tagħha? Hawn elenkati erba’ punti ta’ spjega meħudin minn prospettiva primarjament Franċiża.
- Xi tfisser konkretement il-“Forza ta’ Deterrenza ” Russa? Il-forzi deterrenti Russi huma sett ta’ unitajiet armati li l-għan tagħhom huwa li jiskoraġġixxu attakk militari offensiv kontra l-vastezza kollha tat-territorju Russu. Dawn il-forzi huma mgħammra b’missili, bombi strateġiċi, kemm vapuri ta’ fuq wiċċ il-bahar kif ukoll sottomarini. Fuq in-naħa purament difensiva, jinkludu tarki li jilqgħu kontra u jinnewtralizzaw il-missili, sistemi ta’ kontroll spazjali, difiża kontra l-ajruplani, kontra d-drones u s-satelliti militari. L-armi nukleari jikkostitwixxu l-ifjen mezz potenti u li jwassal fit-tul u fl-amplezza fost dis-sensiela ta’ forzi qattiela kollha. Id-deterrent nukleari tar-Russja huwa bbażat fuq dik li jissejjaħ it-‘trijad strateġiku’ li jikkonsisti minn għodda offensiva fuq l-art (missili interkontinentali), bl-ajru (missili mnedija u sparati minn fuq ajruplan bombardier) u sottomarini (missili mnedija minn sottomarini kkargati b’missili ballistiċi nukleari)”. Jean-Sylvestre Mongrenier, riċerkatur assoċjat fl-Istitut Thomas-More u speċjalista fi kwistjonijiet ta’ sigurtà fl-Ewropa, qal lil Franceinfo: “Skont l-Istitut Internazzjonali tar-Riċerka għall-Paċi ta’ Stokkolma, fl- 2019 l-armata Russa hija stmata li hija fornuta b’xejn anqas minn 6,375 arma nukleari. Għal fini ta’ tqabbil, l-Istati Uniti għandhom 5,800, iċ-Ċina 320 u Franza 290.”
- Kif jista’ jużaha din l-arma nukleari Vladimir Putin? Ir-realtà tat-“twissija” għar-rikors eventwali arbitrarju u impulsiv għal din il-forza straordinarja mhix immedjatament ċara. Skont l-Associated Press, l-armi nukleari Russi tal-art u ta’ taħt il-baħar huma dejjem għal lest, ippreparati biex ikunu operattivi l-ħin kollu u fil-pront. iżda mhux ta’ kuljum li wieħed faċilment jirrikorri għal-lingwaġġ militari li fih tiżżeffen referenza diretta, drastika u determinanti għar-riżorsa fatidika ta’ ‘bombi nukleari’. Fuq kollox, ħadd ma jaf eżattament x’biħsiebu jagħmel Vladimir Putin. “Mhux bilfors tkun kwistjoni li tniedi 1,000 missila interkontinentali sabiex dlonk tigi esterminata l-pjaneta dinjija. Iżda żgur li sal-lum mhux eskluż li tista’ titwettaq agressjoni nukleari tattika fuq belt speċifika partikulari tal-Ukrajna.” jirrimarka Jean-Sylvestre Mongrenier. “Mill-waqgħa tal-USSR, ir-Russi fuq parti tal-Punent tat-territorju irnexxilhom ikattru u jmantnu eluf ta’ tattiċi strateġiċi militari inkluża dik li hi strutturalment imsejsa fuq l-irfinar metikoluż fl-użu ta’ armi nukleari .” Mongrenier kompla janalizza u qal hekk: “Jidher ċar li minn issa ’l quddiem, Moska m’għadhiex tikkuntenta li tiskoraġġixxi, iżda jidhrilha li għandha tibda tixgħel l-armi nukleari bħala għodda ta’ theddid u ta’ intimidazzjoni“.
- Din hi bidla fl-istrateġija min-naħa tal-Kremlin? Uffiċjalment, id-duttrina nukleari Russa hija strettament disważiva. “F’Ġunju 2020, aġġornament tad-duttrina nukleari Russa stipula li din l-arma nukleari għandha tintuża esklussivament sabiex tiskoragixxi attakk kontra l-integrità tat-territorju Russu“. Dan intqal fil-ġurnal Franċiż Le Figaro f’artiklu minn Héloïse Fayet, koordinatrići tal-programm Franćiż magħruf bħala ‘Deterrence’ taċ-Ċentru ta’ Studji tas-Sigurtà Nazzjonali. Fl-aħħar ġimgħat, il-President Russu kontinwament semma l-armi nukleari fl-ambitu tal-kunflitt mal-Ukrajna. Wara ż-żjara ta’ Emmanuel Macron fil-bidu ta’ Frar, il-kap tal-Kremlin fakkar li r-Russja kienet waħda mill-potenzi nukleari ewlenin fid-dinja. Stqarrlu li huwa personalment kien issorvelja eżerċizji bl-isparar ta ‘missili “hypersonic“, li kapaċi jġorru irjus miżgħuda b’karigi selettivi nukleari. Sabiex jipprova jiġġustifika r-rikonoxximent tal-Kremlin għall-indipendenza tat-territorji separatisti ta’ Donbass fir-reġjun tal-Lvant tal-Ukrajna, Putin emfasizza lill-President Macron kif l-Ukrajna qiegħda timmira biex tevolvi proċess li bih kellha toħloq “l-armi nukleari tagħha stess”. Fil-fehma esperta ta’ Héloïse Fayet, din l-eskalazzjoni Russa tista’ tikkorrispondi mat-teorija ta’ “’escalate to de-escalate’, li tikkonsisti fl-użu metodiku ta’ theddid estrem sabiex malajr kemm jista jkun iġġiegħel lill-avversarju jibda jaħsibha darbtejn jekk jibqax imantni l-kunflitt armat u b’hekk jittanta jikseb deskalazzjoni u possibilment waqfien mill-ġlied”. Dan kien speċifikat fdal jiem minn Le Figaro. Din it-tattika militari strategika hija psikologikament differenti mit-teorija ta’ “rispons gradwat” fejn l-użu selettiv tal-armi huwa kkalibrat skont in-natura u gravita’ tat-theddida u l-għanijiet aħħarija li jkunu ġew ittarġettjati li għandhom jinkisbu mill-kunflitt militari partikulari.
- Għandna tabilħaqq nistennew eskalazzjoni nuklearja ? Wara diversi riferenzi minn Vladimir Putin għall-użu ta’ armi nukleari, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż Jean-Yves Le Drian, fakkar pubblikament lir-Russja il-Ħamis li għadda li ’“in-NATO wkoll kienet alleanza nukleari”. Iżda mill-ilbierah il-Ħadd, l-uniċi żewġ Nazzjonijiet Ewropej oħra li sal-lum għandhom potenzjal nukleari ddikjarat, jiġifieri Franza u r-Renju Unit, it-tnejn dehrilhom li għandhom iwissu li naturalment u b’ebda mod ma jixtiequ jidħlu f’eskalazzjoni nukleari. Vladimir Putin “jimmanifattura theddid li ma jeżistix,” qalet il-Ħadd il-kelliema tal-White House Jen Psaki. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iddenunzja r-retorika “perikoluża” ta’ Moska. “Hija kondotta li hija irresponsabbli,” qal fuq CNN. Għal Gaspard Schnitzler, riċerkatur dwar kwistjonijiet ta’ difiża fl-Istitut tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Strateġiċi (IRIS), din it-twissija ta’ Putin hija “Fuq kollox strateġija ta’ komunikazzjoni. Huwa saħansitra totalment improbabbli li r-Russja tirrikorri għall-armi nukleari. Kieku dan kellu jseħħ l-Ewropa kollha tidħol immedjatament f’kunflitt awto-distruttiv li bħalu qatt qabel ma kienet taf.” “Sadanittant jekk Vladimir Putin jikkarga l-bombi tiegħu għall-ġlieda nukleari allura tkun konsegwenza naturali li l-Istati Uniti jistgħu jħossuhom ipprovokati u mġiegħla jirrispondu,” innota Hans Kristensen, analista nukleari fil-Federazzjoni tax-Xjentisti Amerikani. “Vladimir Putin kellu diskorsi inkwetanti dwar l-enerġija nukleari f’dawn l-aħħar snin. Ma nistgħux ngħidu li huwa biss fis-simboliżmu. Hemm grid ta’ qari fil-lingwaġġ Russu li hu apokalittiku għad-dinja.” Dan ġie nnutat minn Jean-Sylvestre Mongrenier fuq Franceinfo. “Il-Punent ma jridx jemmen fl-użu ta’ armi nukleari, għax dawn il-metodi perċettwalment jidhru li huma xprunati minn era tal-passat u minn xi forma ta’ dinja oħra. Jekk it-theddida nukleari għad b’xi mod timmaterjalizza, aħna ma nkunux lesti“, kompla jirrimarka ma’ Figaro Florent Parmentier, għalliem f’Sciences Po u speċjalista. fil-ġeopolitika tal-Ewropa tal-Lvant.