Il-kredibilita’ tal-partiti ser tilgħab logħba tajba f’din l-elezzjoni

Ħafna votanti saru jinteresshom mill-kredibilita’ tal-partiti. Mhux ser ikunu impressjonati bil-ħafna wegħdi li ser ikunu qed ipoġġu quddiem il-poplu l-partiti. Il-votant ser jagħti importanza ħafna akbar lil min jista’ jemmen minnhom. Ser iħarsu lura u janalizzaw, min miż-żewġ partiti kien kredibbli fuq dak li għamel f’dawn l-aħħar snin. Mhux billi joqgħodu jwegħdu l-ġenna fl-art, l-aspettattiva tal-votant hija kemm ser ikunu konvinċenti biex iwettqu dak li jkunu qed iwegħdu.

Jekk tieħu dak li ġie imwiegħed fl-ewwel ġranet issib li l-Labour wiegħed li ser jonfoq €700 miljun fuq l-ambjent. Tista’ tieħdu bis-serjeta’? Veru li ma għandux record sabiħ f’dan il-qasam fejn il-kostruzzjoni selvaġġa kompliet terbaħ. Imma meta tħares lejn il-wegħda ta’ seba’ mitt miljun fuq l-infrastruttura li kien għamel, bla ma trid ikollok tgħid li dan jasal biex iwettaq dak li jwiegħed. Rajna ħafna proġetti kbar li jikkonfermaw dan fosthom il-Marsa Junction u s-Central Link.

Jekk, min-naħa l-oħra tirrifletti fuq dak li qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista, issib li ser ipoġġi għad-dispożizzjoni biljun ewro għall-iżvilupp ekonomiku. Kif tista’ tanalizza jekk hiex fattibbli jew le din il-wegħda? Trid tħares lejn oqsma minnha li diġa’ ġew iwiegħda qabel u ftit li xejn irnexxew. Fuq kollox, qed jinqabad li mhux preparat ta’ kif ser taħdem din il-wegħda. L-anqas il-kandidati tiegħu ma jafu sew kif ser taħdem. Għalhekk wieħed jistaqsi. Għandu l-Partit Nazzjonalista viżżjoni u abilita’ biex iwettaq wegħdiet bħal dawn?

Is-sentiment diġa’ qed jitfa’ ċertu dubji meta l-għada li tħabbret din il-wegħda, l-istess Bernard Grech qal li nofs biljun ser ikunu self. Din l-aħbar kienet bħal doċċa kiesħa fuq il-wegħda stess. Allura bil-fors ikollok tibda’ tiddubita wegħda bħal din. Dawn il-wegħdi l-iktar li jinteressaw lil dawk li għadhom ma iddeċidewx lil min ser jivvutaw jew min forsi ser jagħmel qliegħ minnha.

Mela dawn l-imsejħin ‘floaters’ jridu jkunu sodisfatti li l-mexxejja tal-partiti jkunu kapaċi jidentifikaw suġġetti kruċjali li hemm bżonn jiġu ndirizzati. Fuq kollox dawn in-nies ikunu jridu jkunu ċerti li dawn il-wegħdiet ikunu finanzjarjament fattibbli u sostenibbli. M’għadux iż-żmien li jsir elenku ta’ affarijiet sbieħ jekk ma jkunux studjati u sostenibbli. M’għadux iż-żmien li noqgħodu nwiegħdu l-anġli jiżfnu basta jkunu saru programmi elettorali twal u immaġinattivi. Il-votant qed jitlob wegħdi li jistgħu jkunu fattibbli mhux wish list sabiħa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *