Beppe Fenech Adami jipprova xortih flok Kristy Debono fuq id-disa’ distrett
L-istorja qed terġa’ tirrepeti ruħha. Fl-2017 fuq is-seba’ distrett u fl-2022 fuq id-disa’ distrett. Kandidat li għax kunjomu jaqilgħu jħalli għall-aħħar ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni biex jitfa’ ismu fit-tellieqa fuq distrett fejn qatt ma jkun ħadem għal xi vot. Hemm għalfejn Beppe Fenech Adami jħalli għall-aħħar ġimgħat biex ixandar li ser jikkontesta id-disa’ distrett fejn jgħix u mhux fuq is-seba’ distrett? L-anqas ħaqq kemm saret resistenza kontra Adrian Delia biex ma jitħalliex joħroġ fuq seba’ distrett!
Hemm għalfejn iħalli kandidati oħra jagħmlu xogħolhom u jterrqu mat-toroq tad-distrett biex imbagħad fl-aħħar tal-vjaġġ jiġi u jippreżenta ruħu, frisk bħal ħassa kandidat ieħor li ġa kellu ismu marbuta ma’ distretti oħra. Tgħid għaddielu minn moħħu li mhux ser jaqta’ figura tajba fuq it-seba’ distrett? Għaliex nesa s-seba’ distrett u abbanduna lil dawk kollha li kienu vvutawlu ħames snin ilu? Minn xix qed jibża’ Beppe Fenech Adami?
Fuq kollox, fuq dan id-distrett li issa ħiereġ Beppe Fenech Adami kienet toħroġ Kristy Debono. Hemm relazzjoni bejn il-fatt li Kristy Debono qalet li mhix ħierġa u d-deċiżjoni ta’ Beppe Fenech Adami li jikkontesta minn flokha? Mela fuq naħa qed ngħidu li neħħejna deputata li hija mill-qodma – anki jekk mill-qodma ma hix – biex issa ħareġ minn flokha Beppe Fenech Adami li hu aktar qadim minnha fil-politika!
B’hekk ikolli ngħid lil Beppe Fenech Adami jekk hux qed jibża; li ma għadux b’saħħtu biżżejjed fuq is-seba’ distrett? Qed jibża li ma jistax jibqa’ jistrieħ fuq il-kbir Eddie biex b’mod awtomatiku jiġbor il-voti? Din il-biża’ qegħda issa taffettwa anki t-tmien distrett? Anki hawn mhux sejjer tajjeb Beppe Fenech Adami? Dawn huma mossi li jsiru fil-paniku.
Qalilna ftit ġranet ilu li jekk il-partit jitolbu biex jikkandida ruħu fuq distrett ieħor hu kien lest li jagħmilha. Tgħid il-partit ried jitolbu jew hu qed jimponi fuq il-Partit Nazzjonalista? Diġa’ kien qalilna ftit xhur ilu li hu kien ser jikkonċentra fuq it-tmien distrett u għalhekk ma kienx ser joħroġ fuq distrett ieħor. Imma issa fl-aħħar tat-tellieqa qed jinduna li l-popolarita’ tiegħu naqset anki fuq it-tmien distrett u ma jistax jorbot iżjed fuq kunjomu.
Għalhekk ser jipprova xortih fuq distrett ieħor. Id-dispjaċir mhumiex għalih imma għal dawk il-kandidati kollha li joħorġu fuq id-disa’ distrett meta fl-aħħar ġimgħat sabu ma wiċċhom kandidat, suppost heavy weight, li daħlilhom fix-xena.