Mario Galea ħalla testment politiku li kull kandidat għandu jitgħallem minnu
L-ittra ta’ reżenja li bagħat l-ex-deputat Nazzjonalista, Mario Galea, lill-kap tal-Partit Nazzjonalista tista’ titqies bħala t-testment politiku tiegħu. Hija ittra miktuba bil-qalb.
L-ewwelnett, Mario Galea jibda biex jirringrazzja liż-Żwieten u l-kostitwentit tal-tielet distrett. U dan bir-raġun. Kienu l-eletturi ta’ dan id-distrett li tellgħuh meta kien għad kellu madwar tmienja u għoxrin sena u baqgħu magħqudin miegħu u jappoġġjawh għal tletin sena sħaħ għax baqa’ jżomm is-siġġu tiegħu fil-parlament għal seba’ elezzjonijiet.
Imma fil-qari ta’ din l-ittra, tħoss il-weġgħa ta’ xi ħadd li esperjenza kbira ġiet mormija barra mit-tieqa. Imma dik hija l-kultura ġdida tal-woke society li l-Partit Nazzjonalista sar issa parti minnha.
F’din l-ittra, Mario Galea jitkellem dwar il-lealta’ tiegħu lejn il-partit u l-pajjiż. Żgur li ma daħalx fil-politika biex ikollu swimming pool fid-dar tiegħu. Imma l-lealta’ llum ma għadhiex ikkonsidrat valur fil-Partit Nazzjonalista. Fuq kollox, f’din l-ittra Mario Galea jitkellem dwar l-integrita’ li tant hija bżonnjuża fil-politika. Imma anki l-integrita’ li dejjem għożż Mario Galea lanqas biss tawha importanza. Araw x’qal Mario Galea mal-Malta Today:
“I was made a disposable commodity… People close to the leadership also called out my mental health,”
u mal-gazzetta Illum qal hekk:
“Għamluli ħajti infern”.
Dik hija t-tmexxija l-ġdida ta’ Bernard Grech!
Kif nistgħu ninsew meta kien hemm id-diskussjoni taħraq fuq il-cannabis fejn Mario Galea wera biċ-ċar li ma kienx qed jaqbel mat-tmexxija. Dak in-nhar kien irrapurtat li Bernard Grech qal lil Galea, ‘mur u ma għandekx għalfejn terġa tiġi’. Dan huwa diskors li mingħajr ebda dubju affettwa d-deċiżjoni li ħa Mario Galea dwar il-futur politiku tiegħu. Kif tista’ taħdem ma’ kap li qed jagħmilha ċar li ma jridekx. Fl-ittra diretta tiegħu lil Dr Bernard Grech, Mario Galea qallu hekk:
“Iżda aktar importanti minn hekk ili nsegwi d-diskussjoni li bdiet fil-partit żmien ilu u li xterdet barra mill-partit. Dik jekk deputati stabbiliti għandhomx minn jeddhom jieħdu deċiżjoni li ma jikkontestawx biex jagħtu ċans lil deputati ġodda u iżgħar. Ħaġa li naf li int kont esprimejt ruħek favur tagħha. Nistqarr li jien personalment nemmen bis-sħiħ li l-Grupp Parlamentari għandu bżonn taħlita bilanċjata ta’ deputati ta’ esperjenza u oħrajn ġodda. Fuq kollox f’kull elezzjoni li kkontestajt, dejjem kien hemm miegħi għażla ta’ kandidati żgħar u ġodda. L-għażla ta’ min għandu jkun id-deputat li jirrappreżenta d-distrett fil-Parlament nemmen li fl-aħħar mill-aħħar hija tan-nies u dik l-għażla hija sovrana u finali. Nemmen ukoll bis-sħiħ li min iddedika ħajtu għall-partit u l-pajjiż bl-akbar onestà mingħajr qatt ma kien hemm l-iċken ombra ta’ dubju fuq l-onestà tiegħu m’għandux jintrema għas-sempliċi fatt li ilu jiġi elett. Naqbel perfettament li l-politika teħtieġ demm ġdid. Imma, dejjem fl-opinjoni personali tiegħi, l-aktar importanti huwa li jkollna kandidati ta’ valuri u prinċipji u li jaraw il-politika biss bħala mezz ta’ servizz.”
Mario Galea għadda aktar botti lil Bernard Grech fl-ittra tiegħu. Huwa qal li jħossu kburi li ħiereġ mill-politika mingħajr ħadd qatt implikah f’xejn għax dejjem ħadem lejn l-interessi ta’ dawk li tellgħuh u mhux tiegħu personali.
Infakkar, li Mario Galea ċaħad id-dikjarazzjonijiet li saru mill-kap tal-Partit Nazzjonalista li kien hemm kunsens biex hu u deputati oħra ma jkunx kandidati biex jagħmlu spazju għal nies ġodda. Reġa’ tana prova oħra kemm Bernard Grech ma kienx veritier lejn il-fatti ta’ kif saru dawn ir-riżenji. Anzi tagħna prova kemm Bernard Grech huwa persuna falza. Fuq naħa tal-woke society jitkellmu fuq l-integrazzjoni tal-minoranzi, u fuq naħa, hemm deputat li ma jiddejjaqx jitkellem fuq il-marda tiegħu u jiġi mormi u umiljat mill-Partit Nazzjonalista bl-istess mard li jbati biha. Imma l-aqwa li Bernard Grech għamel lill-Partit Nazzjonalista, liberali miċ-ċintorin l-isfel!
Ma għandix dubju li ż-Żwieteni ta’ kull fehma politika kburin b’Mario Galea u bil-karriera politika tiegħu. F’dan il-kuntest, it-tellief huwa l-Partit Nazzjonalista aktar milli l-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista tilef politikament u deputat onest li dejjem tkellem ċar mingħajr qatt ma nqabad li qed jibdel xi prinċipju li dejjem ħaddan tul il-karriera twila tiegħu. Il-pajjiż ser jibqa’ jgawdi mingħand dan id-deputat, għaliex barra li hu għalliem fl-Universita’ ta’ Malta, fejn ser jibqa’ jagħti s-servizzi tiegħu biex ikompli jrawwem studenti, ħalla testment politiku li kull kandidat li dieħel għall-politika, ta liema kulur politiku huwa, għandu jaqra ħa jitgħallem minnu.