Chris Said u l-każ tal-irdim fin-Nadur: il-media ma tistax iddaħħal politiċi f’każijiet li ma għandhomx x’jaqsmu magħhom

Ftit tal-jiem ilu kellna żewġ stejjer jinvolvu żewġ deputati Nazzjonalisti Għawdxin. L-ewwel waħda kienet tinvolvi lil Joe Ellis. F’dawn l-aħħar ġranet, il-media kienet qed jiġri warajh u jistaqsih diversi mistoqsijiet. Bir-raġun kollu, l-media kellha għalfejn tistaqsih minħabba li l-każ kien jinvolvi kumpanija li kellu interess dirett fiha.

It-tieni każ kien dak li jinvolvi lil Chris Said. Dan ħareġ fuq Lovin Malta. Chris Said ġie mistaqsi għal kumment dwar x’jaħseb fuq l-irdim allegatament illegali li sar fin-Nadur. Insiru nafu li l-kumpanija nvoluta f’dan l-irdim kienet ta’ tnejn minn ħut Chris Said. Mela dak li l-media kellha tistaqsi mhux x’jaħseb dwar dan l-irdim imma jekk Chris Said kellux xi interessi f’din il-kumpanija.

Jien ktibt direttament lil Chris Said. Fl-imgħoddi, dan is-sit kien kritiku ta’ Chris Said għar-raġunijiet politiċi u mhux personali. Biss mhux sew li deputat jissemma’ lejlet bidu ta’ kampanja elettorali għaliex fil-każ jissemmgħu ħutu. Jien staqsejtu jekk hu, jiġifieri Chris Said, għandux xi interess jew gwadann mill-kumpanija involuta. It-tweġiba ta’ Chris Said kienet kif ġej:

Jien ma għandi l-ebda shares fl-EBDA kumpanija. Dan jista’ jigi verifikat liberament mid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħi fil-Parlament għal dawn l-aħħar erbatax-il sena kemm ilni membru parlamentari, kif ukoll mir-registru tal-kumpaniji.

X’ġaralha l-media? Tilfet snienha? Qed ngħid dan għaliex mhux sew li jitħammġu politiku jew jiġi assoċjat ma’ każ meta ma jkunx involut fih. Qed ngħid dan ukoll b’esperjenza għaliex wieħed mill-avukati li nuża spiċċa assoċjat miegħi, minħabba l-artiklu li kont nikteb fuq Alex Dalli, meta dan l-anqas biss kellu x’jaqsam ma’ dawn l-artikli. Imma għaliex staqsejt lil dan l-avukat u aċċetta biex jiddefendieni f’kawżi li għandi l-qorti minħabba pubblikazzjonijiet f’dan il-blog, allura dan spiċċa jiġi implikat f’dak li nikteb. Dan hu tfiegħ ta’ tajn u xejn aktar.

Qed ngħid dan għaliex kif ġew ippreżentati l-affarijiet f’dan l-artiklu dwar dan it-tfigħ ta’ terrapin ġewwa n-Nadur deher qiesu li Chris Said huwa parti minn dan il-business tal-familja meta dan hux il-każ. Għalhekk huwa importanti li l-media indipendenti tistaqsi lil Chris Said jekk għandux ishma fil-kumpanija ma’ ħutu u għalhekk din il-mistoqsija staqsejtha jiena stess.

Skond l-informazzjoni li ħierġa fil-media qed jingħad li l-kumpanija hija ta’ żewġ aħwa subien, ħut ta’ Chris Said. Imma ma tantx jista’ jingħad sewwa għax din l-istess kumpanija kienet kkanċellata mir-reġistru tal-kumpaniji fl-2006 allura ikun diffiċli biex tkun taf min huma l-sidien propja.

Imma qed jirriżulta li min inqabad jarmi b’mod illegali għandu x’jaqsam ma din l-istess kumpanija. Peter Paul Said li jidher bħala sid tal-kumpanija qal li l-irdim ġie mitfuh f’għalqa tiegħu biex jibni ħitan tas-sejjiegħ u li għandu permess għal dan ix-xogħol. Imma mir-riċerka li għamlet il-media indipendenti ma tidher ebda talba għal dan ix-xogħol. Meta mistoqsi biex iforni n-numru tal-permess, ir-risposta kienet ‘mhux issa’.

Irridu nirrikonoxxu li kemm Chris Said, deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista u ħuh, Edward Said, is-Sindku tan-Nadur għamlu stqarrijiet iebsa fuq dan ir-radam fin-Nadur. Chris Said qal li għandhom jittieħdu passi kontra kull min jikser il-liġi, hu min hu. Min-naħa ta’ Edward Said qal li kif raw il-filmati u r-ritratti fuq il-media soċjali, hu kellem lill-kunsilliera fil-Kunsill Lokali tan-Nadur u ssuġġerixxa li jagħmlu rapport lill-awtoritajiet kif fil-fatt sar.

Mir-rappurtaġġ ta’ Lovin Malta jidher li l-investigazzjoni bdiet u nisperaw li jkollna żviluppi fi żmien qasir.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *