Jitneħħew ir-ritratti ta’ Joseph Muscat mill-kwartieri tal-PL: akkost ta’ kollox Abela jrid iġib distakk ikbar minn Joseph Muscat

Dan is-sit jinsab infurmat li tneħħew ir-ritratti ta’ Joseph Muscat mill-kwartieri tal-Partit Laburista fil-Ħamrun. Biex sar dan żgur li kien hemm xi ordni minn x’imkien u din ġiet min fuq.

Infatti l-affarijiet mhux sejrin tajjeb fil-Partit Laburista hu fatt magħruf. Il-fatt li ġiet mgħajta din l-elezzjoni, li wisq probabbli ser twassal biex titħassar iż-żjara tal-Papa, jikkonferma dak li ġie ppubblikat f’dan is-sit li l-PL inqabad f’paniku. Din kellha ssir f’Novembru, imma tħalliet għal Ġunju biex Robert Abela jkun jista’ jgħid li daħal fl-istorja tal-Partit Laburista bħala l-Prim Ministru li għamel il-leġislatura kollha. Kieku saret f’Ġunju, xorta nemmen li l-Partit Laburista kien jerbaħha. Il-problema qegħda mhux f’jekk il-Partit Laburista jerbaħx din l-elezzjoni imma b’kemm ser jerbaħ. Il-paniku beda għaliex Robert Abela beda jibża’ li l-partit jista’ jerbaħ b’gap inqas milli ġab Joseph Muscat. Infakkar li f’Novembru l-gap bejn iż-żewġ partiti kien ta’ 45 000 vot u fuqu.

Akkost ta’ kollox, Robert Abela irid iġib distakk ikbar milli ġab Joseph Muscat ħalli juri li hu aħjar minnu. Kif għidt fil-bidu ta’ dan l-artiklu – u ili ngħid f’dawn l-artikli – li għaddejja “purge” fil-Partit Laburista biex jitwarrab għal kollox Joseph Muscat.

Joseph Muscat dan jafu sew. Ma għandix dubju li hu ma jridx lill-PN jitla’. Hu jaf tajjeb li jekk jitla’ l-PN, hemm min iridu l-ħabs. Hu jaf li l-PN hu mmexxi mill-grupp ta’ Repubblika u dawn iriduh l-ħabs.

Mela l-interess ta’ Joseph Muscat huwa li jerbaħ il-Lejber imma mhux li jerbaħ bl-istess maġġoranza kbira jew gap li ġab hu fl-2017. L-interess strateġiku huwa li l-PN jerbaħ imma l-gap ikun iċken. Incidentalment, din hija l-pożizzjoni li awgura Saviour Balzan fil-ħarġa tal-bieraħ il-Ħadd tal-Malta Today!

Infatti f’dan l-artiklu, Saviour Balaza tkellem dwar dak li sejjaħ bħala the “waiting game” jew il-lobgħa chess fit-tmexxija tal-Partit Laburista. Il-waiting game mhix bejn il-Partit Laburista u dak Nazzjonalista, imma bejn Robert Abela u Joseph Muscat.

Jekk il-Partit Laburista jerbaħ l-elezzjoni b’distakk iċken milli ġab Joseph Muscat, Joseph Muscat ikun jista’ jidħol fl-istorja li fuq livell personali, bħala l-Prim Ministru, ġab l-akbar rebħiet għall-Partit Laburista fil-politika Maltija. Jekk Robert Abela jerbaħ b’rebħa ikbar minn dik ta’ Joseph Muscat ikun jista’ jgħid li rebaħ b’rebħa akbar u b’hekk ikun jista’ jwarrbu aktar milli qed jipprova jwarrbu. Il-waiting gaming tinsab fil-fatt jekk f’din l-elezzjoni, Joseph Muscat hux ser jitlef mill-bargaining power tiegħu fil-Partit Laburista jew le.

B’hekk, jekk hawn politiku li qed jilgħab il-waiting game, dan hu Joseph Muscat.

.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *