Seduti sensittivi tal-P.A.C. m’għandhomx jigu streamjati LIVE fuq in-newsportals u s-social media.
Kummentarju minn Dr Hermann Farrugia.
Kemm huwa opportun il-messaġġ konċiljattiv u matur li ġħoġbu jagħmel il-bieraħ t’lura Dr. Carm Mifsud Bonnici li fih appella ghall-moderazzjoni u rispett reċiproku fl-użu tal-lingwaġġ politiku-partiġġjan ta’ kuljum. Essenzjalment id-deputat-kandidat, issa veteran tal-Partit Nazzjonalista, deherlu li kellu jemfasizza sentiment li forsi mhux b’kumbinazzjoni lissint jien stess issa kważi ftit ġimgħa ilu.

Preċiżament kont aċċennajt għall-fehma tiegħi li atteġġjament tal-OVERKILL fl-attitudini ta’ attakki relazzjonali u personali u t-tfiħ ta’ tajn kontinwu fost politiċi kemm dawk kontendenti elettorali u mhumiex, essenzjalment ma jreġi mkien. Imġiba vaveska partikolarment meta ripetuta u magħmula sabiex tipprova tattira l-attenzjoni u saħansitra tilgħab għall-gallerija’ m’għadx hawn lokha fix-xenarju politiku-medjatiku ta’ żmienna.
F’dan is-sens jidhirli li xieraq nissuġġerixxi li s-seduti tal-Public Accounts Committee jew ta’ Kumitati Parlamentari oħra, partikolarment dawk li minħabba n-natura tal-agenda tagħhom jkun hemm ħjiel li jkunu politikament delikati, jekk mhux ukoll imqanqla, m’għandhomx jiġu awtorizzati li jiġu trażmessi permezz ta’ live-links tramite news portals jew saħansitra streamjati live fuq il-pjattaformi tas-social media.
L-opinjoni tiegħi hi li waqt li l-andament tas-seduti ta’ dawn il-kumitati parlamentari jibqgħu jiġu mxandra fuq il-Parliament TV Channel u dan b’mod kemm dirett kif ukoll recorded, dawn m’għandhomx jiġu kkapparrati b’mod sensazzjonali minn xi parlamentari membri ta’ dawn l-imsemmija kumitati parlamentari stess u dan għal għanijiet pjuttost propagandistiċi u egoċentriċi. Per eżempju, jekk wieħed jagħmel eżerċizju razzjonali permezz t’analiżi spassjonata minnufih jintebaħ kif l-andament kurrenti tal-P.A.C fejn għandu x’jaqsam s-seduti mlaqqgħin sabiex jiġi mgħarbel l-għoti tal-kuntratt lill-Electrogas huwa wieħed ġeneralment meskin u f’ħafna mumenti l-attitudini u habitus personali tal-membri preżenti skifuża u degradanti għall-aħħar.
Huma min huma x-xhieda speċifiċi mtellgħin sabiex jirrispondu għal għemilhom fid-deċiżjonijiet kardinali-strateġiċi li jkunu ħadu u li jkunu ta’ impatt dirett fuq it-trasparenza tal-ħidma governattiva u saħansitra fuq l-effikaċja u l-kwalita’ tas-servizz pubbliku nnifsu, ir-rispett fundamentali lejn il-proxxmu għandu jibqa’ il-fokus tal-orjentament għal kull mistoqsija jew kumment li jsir tul is-sekwenza kollha tal-laqgħat in kwestjoni.
B’xorti tabilħaqq ħażina u sa’ ċertu punt anke b’nuqqas ta’ gieħ lejn l-istituzzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti Maltija stess, bosta innutaw kif, allavolja l-membri kollha żgur li kienet ġià’ ripetutament inġibditilhom l-attenzjoni sabiex jużaw forma ta’ attitudini u ta’ taħdit sod iżda dejjem ćivili mingħajr bżonn ta’ sensiela ta’ kummenti superfluwi u personalment provokattivi għax-xhud li jkun qed jigi ‘ggrilljat’; dan altru li reġa’ ma seħħx.
Iċ-ċirasa fuq il-kejk nhar it-Tlieta li għadda wara nofsinhar reġgħet tpoġġiet meta kif kien sar il-ħin għall-aġġornament fit-tmiem tas-seduta tal-P.A.C., waqt li x-xhud, assistit mill-avukati konsulenti tiegħu kien temm l-aħħar tweġiba tiegħu, dan ġie mitlub ‘joħroġ ‘l barra’. Il-mod kif intalab jagħmel dan kien billi ġie ndirizzat b’ton mistmerr fejn litteralment ġie rinfaċċjat b’kummenti sarkastiċi pwerili li huwa ċar li ma kienux f’lokhom. Probabbilment bl-imġiba fissata tal-‘overkill tal-karattru’, almenu tnejn mit-tliet membri tal-Oppożizzjoni preżenti t-Tlieta li għadda ma ndunawx li l-microphones kienu għadhom jirreġistraw dak kollu li kien qiegħed jingħad. U anke għax il-forma u t-ton tal-lingwaġġ użat reġa’ kien ostili għal kollox tul l-andament ta’ dil-famuża sessjoni, il-mentalita’ li kellhom jitfajjru l-vleġeġ partiġġjani velenużi saħansitra wara li s-seduta kienet intemmet, hija fil-ferma tiegħi għal kollox dispreggjattiva u tabilħaqq degradevoli għal xenarju Parlamentari Nazzjonali suppost ‘onorevoli’ .
Huwa ċar kristall li kieku din is-saga twila ta’ seduti tal-P.A.C. ma kinitx ġiet awtorizzata tiġi streamjata diretta b’kollegament live fuq il-portal tat-Times of Malta u b’mod parallel fuq is-social media platforms ta’ bosta mill-membri protagonisti stess, u dan anke għal fini purament propagandistika, ir-retorika ġenerali wżata mill-Oppożizzjoni kienet tkun bil-bosta differenti, l-ispirtu li bih kien jiġi xprunat l-intendiment tal-mistoqsijiet kien ikun aktar fin u ċivili.
Fuq kollox, żgur li dan l-eżerċizzju parlamentari metikoluż f’dil-kwestjoni tat-tgħarbil tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Electrogas kien suppost ilu li ġie konkluż, ixxelvjat u paradossalment ġia’ forsi rrelegat għall-iskrutinju aktar oġġettiv u aħħari tal-istorja kontemporanja ta’ pajjiżna.