Intbagħat Jerome Caruana Cilia flok Mario de Marco biex jiddibatti ma’ Clyde Caruana

Ftit tal-ġranet ilu assistejna għal dibattitu bejn il-Ministru Clyde Caruana min-naħa tal-Partit Laburista u Jerome Caruana Cilia min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Rajna deputat heavy weight jippreżenta lil-Labour u prinċipjant għan-Nazzjonalisti. Ħafna stennew li jiddibatti mal-Ministru tal-Finanzi kien ser ikun hemm il-kelliem ewlieni għall-finanzi min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Dan is-sit jinsab infurmat li Mario de Marco, li hu l-kelliem għall-Finanzi min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, hu maqrus minn din l-azzjoni.

Saħansitra kien hemm persuni marbuta mad-Dar Ċentrali li qiesu din l-azzjoni bħala attakk fuq deputat ieħor li kien fl-esekuttiv ta’ GonziPN. Hawn min jgħid li Clyde Caruana huwa meqjuż bħala politiku ġdid imma rridu ngħidu li taħt it-tmexxija tiegħu smajna lill-Ewropa tgħid li qed jistennew għal Malta tkabbir ekonomiku ta’ 6%.

Meta jkollok Ministru ma tistax tibgħat persuna li għadha dieħla fil-politika u l-anqas ma hija l-kelliem uffiċjali fuq is-suġġett. Anki hawn forsi wieħed jista’ jargumenta li Jerome Caruana Cilia huwa ħaddiem ġo bank. Fuq kollox, dawk li kkuntattjaw dan is-sit qalu li kieku Mario De Marco ma setax kellu jintbagħat Graham Bencini li bħal Caruana Cilia huwa kandidat fl-elezzjoni li ġejja f’isem il-Partit Nazzjonalista u għandu karriera bħala accountant u jmexxi kumpanija.

Jidher li anki hu jinsab iddispjaċut għal din il-mossa li saret tant li biex ipattuhulu xi daqsxejn tawh jindirizza konferenza stampa ftit tas-siegħat wara. Dawn huma mossi min-naħa tal-kap u l-entourage tiegħu li mhux ser jgħinu lill-Partit Nazzjonalista f’mument meta għandha tintwera l-għaqda u l-kolleġġjalita’ quddiem il-kriżi li għaddej minnha bħalissa l-Partit Laburista. L-agħar ħaġa li l-istrateġisti jagħmlu f’dan il-mument huwa li jimmanipulaw lin-nies.

Jidher ċar li Dr Bernard Grech u t-tmexxija tiegħu qiegħdin bl-istil tagħhom iwarrbu min-nofs lil dawk li jistgħu joffru xi tip ta’ sfida vera lil dan il-gvern waqt li jassertaw li jiġu mbuttati l-kandidati li jistgħu jiġu mmanipulati aħjar. Għalhekk qed jittieħdu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet biex jitwarrbu nies ta’ ċertu kwalita’ li forsi jistgħu jkunu ta’ dannu għat-tmexxija bħalissa.

One thought on “Intbagħat Jerome Caruana Cilia flok Mario de Marco biex jiddibatti ma’ Clyde Caruana

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *