Kronoloġija ta’ kif taħdem il-kampanja elettorali Presidenzjali Franċiża
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
2 ta’ Jannar 2022: Bidu tal-monitoraġġ rigoruż mill-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali (Arcom). Din sa’ ftit snin ilu kienet magħrufa bħala CSA (Kunsill Għoli Awdjoviżiv) u għandha rwol kostituzzjonali ekwivalenti għall-Malta Broadcasting Authority). Jiġi mmonitorat u skrutinizzat it-taħdit kollu u l-ħin tal-ajru medjatiku / radjoteleviżiv mogħti lill-kandidati u lis-sostenituri li jappoġġjawhom. Dan sabiex jintlaħaq il-prinċipju ta’ trattament ġust bejn il-kandidati rispettivi. Il-midja awdjoviżiva kollha għandha obbligu talloka ħin għad-diskors politiku skont ir-rappreżentattività tal-kandidati u dan jiġi evalwat b’kejl li jirrifletti ir-riżultati miksuba fl-elezzjonijiet preċedenti u kif ukoll adatt mal-indikazzjonijiet minn kumpaniji professjonali tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.
4 ta’ Marzu 2022: Il-kandidati kellhom terminu ta’ ħames ġimgħat biex jiġbru il- 500 ‘sponsorship’ minn fost l-eletti u li formalment jippermettulhom jikkontestaw għall-elezzjoni presidenzjali . Fis-sitta ta’ filgħaxija, fis-sede tal-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż isseħħ din l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ kandidatura għall-elezzjoni presidenzjali. Illum ukoll taħbat l-iskadenza għar-reġistrazzjoni tal-votanti għall-ewwel rawnd tal-votazzjoni. Imbagħad, l-istess votanti – eletturi ikollhom sat-18 ta’ Marzu biex sussegwentement jirreġistraw għat-tieni rawnd.
7 ta’ Marzu 2022: pubblikazzjoni tal-lista uffiċjali tal-kandidati għall-elezzjoni presidenzjali, wara validazzjoni metikoluża mill-Kunsill Kostituzzjonali.
28 ta’ Marzu 2022: tnehdija tal-kampanja uffiċjali bix-xandir fuq it-televiżjoni u r-radju ta’ spots tal-kampanja tal-kandidati. Regola stretta ta’ ħin indaqs għad-diskorsi għandha tiġi osservata wkoll mill-midja awdjoviżiva kollha.
8 ta’ April 2022: tmiem il-kampanja tal-ewwel rawnd nhar il-Ġimgħa f’nofs il-lejl. Il-kandidati ma jistgħux jitħallew jitkellmu fid-9 u l-10 ta’ April. Il-pubblikazzjoni tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika u ta’ kull forma ta’ exit polls hija assolutament ipprojbita sal-mument tal-għeluq uffiċċjali tal-votazzjoni fis-19.00.
10 ta’ April 2022: l-ewwel rawnd tal-elezzjoni presidenzjali. Fi Guadeloupe, Martinique, Guyana, Saint-Pierre-et-Miquelon, Saint-Barthélemy, Saint-Martin u l-Polineżja Franċiża, il-votanti jivvutaw il-ġurnata ta’ qabel sabiex titqies il-margini tad-differenza fil-ħin. L-ewwel ħjiel tar-riżultat preliminarju tal-votazzjoni jiġu trażmessi fuq il-mezzi tax-xandir fl-20.00. Minn issa ‘l quddiem, il-kandidati li m’għaddewx għat-tieni rawnd ikunu ġeneralment mistennija jagħmlu dikjarazzjoni pubblika fejn jirringrazzjaw lill-votanti u sostenituri tagħhom u bħala użanza formalment jannunzjaw jekk ikunux jixtiequ iħeġġu lill-partitarji – eletturi billi jiġi identifikat liema miż-żewg kandidati rebbieħa għandu jingħata l-appoġġ fl-elezzjoni tat-tieni rawnd.
14 ta’ April 2022: validazzjoni mill-Kunsill Kostituzzjonali tar-riżultati tal-ewwel rawnd u tiġi kkonfermata l-identità taż-żewġ kandidati eletti għat-tieni rawnd.
15 ta’ April 2022: ftuħ tal-kampanja uffiċjali għat-tieni rawnd. Huwa rregolat mill-istess regoli ta’ ħin tad-diskorsi ugwali bħal dak tal-ewwel rawnd u jintemm nhar il-Ġimgħa 22 ta’ April f’nofs il-lejl.
24 ta’ April 2022: it-tieni rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali. Bħal fl-ewwel rawnd tal-Votazzjoni f’Guadeloupe, Martinique, Guyana, Saint-Pierre-et-Miquelon, Saint-Barthélemy, Saint-Martin u l-Polineżja Franċiża, il-votanti jivvutaw il-ġurnata ta’ qabel biex iqisu d-differenza fil-ħin. Ir-riżultat aħħari, anke jekk ikun għadu inuffiċċjali, tal-battalja tal-elezzjoni presidenzjali Franċiża jitħabbar b’ċertu pompa u solennità fuq il-mezzi ta’ kommunikazzjoni kollha.
28 ta’ April 2022: validazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd mill-Kunsill Kostituzzjonali mhux aktar tard mil-lum. Proklamazzjoni uffiċjali tal-president tar-Repubblika ta’ Franza. Interessanti li jiġi nnotatat kif l-indikazzjonijiet kollha s’issa juru li f’dal jum għad jiġi rikonfermat fl-ogħla kariga tal-Istat Franċiż, l-istess Emanuel Macron li jaħbat id-disa’ president tal-ħames Repubblika (Cinquième République) ta’ Franza. Jekk dan ma iseħħx, il-mandat popolari ikun jistrieħ fil-persuna tal-kontendent aħħari ta’ Macron li possibilment terġa’ tkun mara: Marine Le Pen (RN> Rassemblement National) li kienet hija stess il-first runnerup fl-2017, jew Valérie Pécresse (LR>Les Républicains). Madankollu mhux eskluż li l-avvanz formidabbli li jkun laħaq iġġenera l-kandidat ġdid tal-Lemin Estrem Éric Zémmour (taħt l-ghajta tiegħu patrijottika anke jekk diviżiva għall-aħħar ta’ ‘Recônquète’) jixprunah jagħti sfida rispettabbli għall-ġirja ta’ konferma presidenzjali tal-inkumbent Macron.

13 ta’ Mejju 2022: skadenza għall-konsenja tas-siġġu tal-poter. F’dan il-jum il-persuna eletta l-ġdida tieħu l-kariga u sa mhux aktar tard sabiex jikkoinċidi mal-aħħar jum tal-mandat tal-president uxxenti. Peress li l-presidenza ta’ Emmanuel Macron bdiet fl-14 ta’ Mejju 2017, il-mandat tiegħu ta’ ħames snin għalhekk se jintemm fit-13 ta’ Mejju 2022.
24 ta’ Ġunju 2022: skadenza għas-sottomissjoni tal-kontijiet tal-kampanja tal-kandidati lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kontijiet tal-Kampanji u l-Finanzjament Politiku (CNCCFP), jiġifieri eżattament xahrejn wara t-tieni rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali .
Fil-analizi li jmiss ser nanalizza l-kronoloġija parallela tas-sekwenza elettorali tal-gżejjer Maltin u tal-aspetti strateġiċi partiggjani li jiddekorru minn dal-proċess fl-elezzjonijiet Maltin.