Il-liġi proposta dwar il-femmiċidju: liġi oħra tad-dilettanti

Il-bieraħ t’lura fil-Parlament, Bernard Grech qal li d-deputati Nazzjonalisti ser jivvutaw kollha favur il-liġi tal-femmiċidju. Din hija ġennata oħra li qed issir fil-Partit Nazzjonalista. Minflok, il-Partit Nazzjonalista qed juri kemm dawn il-liġijiet huma stupidi, spiċċa hu stess jħaddanhom.

Din id-darba tkellem saħansitra l-imħallef emeritu Giovanni Bonello u anki Joe Giglio u t-tnejn qalu ċar kemm din il-liġi ma tagħmilx sens. Fuq dan il-punt hemm konsensus għaliex anki avukati Laburisti li jaħdmu fil-kriminal u li tkellmu miegħi, qaluli l-istess ħaġa. Mela għala l-Partit Nazzjonalista ma jirkibx fuq dan il-punt? Hawn ser nagħti l-artiklu li deher fil-Malta Indepedent fejn saret referenza għal dak li qalu Joe Giglio u Giovanni Bonello fost l-oħrajn fuq din il-liġi.

https://www.independent.com.mt/articles/2022-02-06/local-news/Malta-s-new-proposed-femicide-law-is-discriminatory-former-human-rights-judge-and-top-lawyers-say-6736240407

Din hija liġi oħra tad-dilettanti. Mela liġi tinkiteb fi żmien tliet ġimgħat għaliex erba’ NGOs, uħud minnhom immexxija minn persuni jiġu minn xulxin, imorru jipprotestaw u għall-protesta ma jmur ħadd ħlief il-membri tagħhom u l-media tagħti l-aħbar fuq il-paġni ta’ quddiem, waqt li protesti min-nies, ħafna ikbar, jiġu injorati?

Mela skont din il-liġi, jekk raġel joqtol mara, dan ser jitqies bħala reat aktar gravi milli kieku raġel qatel raġel. U jekk mara toqtol lir-raġel tagħha x’jiġri? Dan jitqies reat inqas gravi? Daqt nibdew ngħidu li jekk mara toqtol lir-raġel tagħha għandha tkun ninnominata għall-premju ta’ ġieħ ir-Repubblika!

Issa għandna anki iż-żwiġijiet bejn l-istess sessi. Mela fir-relazzjoni bejn żewġ irġiel, hemm min jagħmel ir-rowl tar-raġel u hemm min jagħmel ir-rowl tal-mara. X’ser jiġri issa b’din il-liġi dwar il-femmiċidju? Jekk ir-raġel li qed ikun ir-raġel f’din ir-relazzjoni joqtol lir-raġel l-ieħor li qed ikun il-mara, dan ser jitqies bħala femmiċidju jew jibqa’ mitqies bħala omiċidju normali?

L-istess jgħodd fir-relazzjonijiet femminili. F’dawn ir-relazzjonijiet, waħda min-nisa tieħu r-rowl tar-raġel u tissejjaħ “butch”. Jekk dik il-mara li f’din ir-relazzjoni tkun il-butch u toqtol lill-mara l-oħra, dan ser ikun femmiċidju jew omiċidju? U jekk il-butch tinqatel mill-mara x’ser jiġri? Dan ser jitqies bħala omiċidju u allura delitt inqas gravi?

Fuq kollox f’każ ta’ omiċidju, is-sentenza massima hija dik li persuna tmur għomorha l-ħabs. X’ser jiġri issa? Omiċidju normali ser titnaqqaslu s-sentenza biex femmiċidju ser isir aktar gravi? Jew kif qed jingħad li f’każ ta’ femmiċidju, ma tkunx tista tingħata inqas minn għomor il-ħabs. Imma mhux xorta ser tinħoloq inġustizzja anki fost delitti marbuta ma’ femmiċidju? Ħa nispjega għaliex.

Jien il-proposti ma rajthomx. Imma ninsab infurmat li waħda mill-proposti li qed tissemma hija dik li f’każ ta’ femmiċidju, il-qorti tista’ tagħti biss sentenza massima. Imma hemm livelli differenti ta’ femmiċidju. Biex nifhmu sew. Jiġifieri jekk raġel ilu jipprepara biex joqtol lill-martu għax għandu oħra, dan ser ikun stmat f’din il-liġi l-istess bħal dak ir-raġel li joqtol lill-mara tiegħu f’dadigħa ta’ mument wara li tkun ġaratlu l-platti? Għaliex dan hu wkoll femmiċidju. Issa jekk l-minimu sentenza li tista’ tingħata f’każ ta’ femmiċidju hija l-massimu, jiġifieri li l-persuna tmur għomorha l-ħabs, mela l-liġi mhux ser tagħmel differenza aktar bejn qtil primeditat u ieħor li mhux. U jekk ir-raġel jaqbad lill-mara ma’ ieħor jew oħra, u fir-rabja joqtolhom it-tnejn dan ser ikun l-istess bħal dak li joqtol lill-martu għaliex jekk joqtolha kien ser jieħu somma kbira ta’ flus mingħand l-insurance? B’hekk f’każ li ma jinqabadx u jeħel ‘ħaddieħor, dan ikun jista’ jgħix ħajja lussuża u tajjeb mal-ħabiba li jkun ilu magħha s-snin. Imma dan huma ukoll każijiet ta’ femmiċidji li għandhom ikollhom gravita’ differenti quddiem il-liġi.

U jekk f’kopja normali, bejn raġel u mara, ir-raġel jiddeċidi li jieħu fis-sess ir-rowl ta’ mara, u l-mara tieħu r-rowl ta’ raġel, x’ser jiġri jekk ir-raġel joqtol lill-mara? Dan ser jkun ikkonsidrat femmiċidju? Fil-verita’, f’din ir-relazzjoni huwa r-raġel li qed ikun l-mara fis-sess u l-mara qed tkun ir-raġel. U jekk il-każ hu bil-maqlub u dan ir-raġel li fis-sess qed ikun il-mara joqtol lill-martu, dan jista’ jibqa’ jitqies bħala femmiċidju meta fir-relazzjoni hu l-mara u mhux martu?

Dawn huma każijiet li jidhru tad-daħq imma ma humiex. Infakkar anki jekk ir-relazzjoni hija normali, bil-liġijiet li għaddew, kull ma jrid jagħmel raġel hu li jmur quddiem nutar u jgħid li hu sar mara u għall-iskopijiet tal-liġi, anki jekk għandu daqna li tasal sal-art, xorta ta’ mara jrid ikun smat quddiem il-liġi.

Fuq kollox, din il-liġi ser tkun qed tnaqqas mill-gravita’ tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Tiftakruha l-kontroversja li kienet qamet meta Helena Dalli qalet li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien femmiċidju. Ħafna raw f’din l-istqarrija l-fatt li Dalli kienet qed iċċekken il-gravita’ ta’ dan id-delitt. Mela issa b’din il-liġi, l-akkużati kollha marbuta ma’ dan id-delitt għandhom jingħataw il-“bail” għaliex dawk kollha, li biex mod jew ieħor huma akkużati li wettqu dan delitt, illum skont dak li qed ikun propost b’din il-liġi, wettqu delitt inqas gravi għaliex żgur li ma jistax jingħad li dawn wettqu femmiċidju!

L-aqwa li Malta llum hija parti mill-Woke Society. L-aqwa li ngħaddu liġijiet tad-dilettanti mill-parlament li jinkitbu fi żmien tliet ġimgħat biex nuru kemm aħna progressivi u liberali!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *