Tar-Repubblika sejrin jipprotestaw fuq it-taraġ ta’ Kastilja wara l-istorja ppubblikata mis-Sunday Times dwar Robert Abela?
Il-Ħadd li għadda, The Sunday Times irrappurtat li Dr. Robert Abela, il-Prim Ministru, kien involut f’kuntratt ta’ propjeta’ ma’ raġel li dan l-aħħar kien mixli bi ħtif ta’ persuna. Il-pulizija jemmnu li dan ir-raġel hu l-moħħ wara grupp organiżżat ta’ kriminali.
Mela dan mhux każ fejn il-Prim Ministru kien qed jidher bħala avukat għal din il-persuna. Dan hu każ fejn il-Prim Ministru daħal f’business ma’ din il-persuna. Issa, dan mhux biss każ ta’ xiri ta’ propjeta’: dan hu każ fejn potenzjalment qed jingħad, minn esperti, li l-mod kif saru d-deals, dawn kienu maħsuba biex tkun evaduta jew għall-inqas imnaqqsa l-ammont ta’ taxxa li kellha titħallas. Imma kollox qed isir b’mod leċitu. Il-punt jibqa’ hawn; jekk dan kollu hux etiku jew le? Robert Abela hu konfermat li kellu sehem minn kuntratt ta’ propjeta’ li eventwalment kienet trasferita lil Christian Borg.
Hawn mhux ser nidħol fil-fatt jekk dan il-kuntratt kienx jammonta għall-evażjoni ta’ taxxa jew le. L-anqas ser nargument mnejn ġab il-flus Christian Borg. Biss nixtieq infakkar li Robert Abela kien neħħa lil Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari għaliex potenzjalment, meta Rosianne Cutajar kienet għadha deputata, seta’ kellha x’taqsam ma’ kuntratt ta’ bejgħ magħmul minn Yorgen Fenech. Issa nsiru nafu li kien imiss lil Robert Abela li, meta dan kien deputat, daħal f’negozju fuq propjeta’ ma’ allegat kriminal.
Illum tifhmu għala jien kont qed nistaqsi dwar dak li kien qed jiġri fil-każ ta’ Rosianne Cutajar. Biss issa x’ser jiġri? Ta’ Repubblika ser imorru fuq it-taraġ ta’ Kastilja jipprotestaw? Il-Prim Ministru ser jirreżenja? Infakkar li Rosianne Cutajar tneħħiet minn segretarju parlamentari minħabba kuntratt simili.
Il-Partit Laburista ser jiddikjara jekk Robert Abela għandux jiġi investigat jew le? George Hyzler, il-Kummissarju tal-iStandards ser jinvestiga lil Robert Abela bħalma għamel lil Rosianne Cutajar? Ovvjament ma tantx jista’ għaliex issa nħatar biex imur x’imkien ieħor.
B’hekk hawn jeħtieġ li nkomplu nistaqsu: jista’ jkun li din hija r-raġuni prinċipali għaliex kien hemm qbil bejn Robert Abela u George Hyzler li dan tal-aħħar jispiċċa jieħu postu fil-qorti tal-awdituri? Hu każ fejn il-Prim Ministru għażel lil Hyzler għal dan ix-xogħol fi Brussel biex l-istess ħin jeżonera lil Hyzler milli jinvestigah? Hyzler qabillu għaliex kieku kellu jinvestiga lill-Prim Ministru, il-poplu Malti kien jistenna li jasal għall-istess konklużjoni li wasal fuq Rosianne Cutajar. Finalment, l-akkużi ta’ ksur ta’ etika huma simili. Biss milli jidher ma tantx xtaq għaliex kieku kien jibqa’ Malta.
B’hekk tista’ tkun ukoll raġuni valida għala Hyzler għażel Brussel biex ma jsibx lil Robert Abela ħati ta’ ksur ta’ etika parlamentari. Kieku ma jsibux ħati, kulħadd jibda jistaqsi għala dawn it-two ways two measures fil-proċeduri tiegħu. Wieħed kien ikun qed jistenna li Hyzler juża fl-investigazzjoni fuq il-Prim Ministru, l-istess regoli u argumenti li uża fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Ta’ min jinnota wkoll li Robert Abela, fid-difiża tiegħu, qalilna li wara ftit taż-żmien li kien involut hu, kien involut membru ieħor tal-Kamra tal-Parlament. Fil-fatt il-Prim Ministru qalilna li Mario de Marco kien assista fil-qorti lil din il-persuna involuta f’dan il-każ. Ta’ min isemmi li Mario de Marco huwa mħallat ma’ George Hyzler għaliex oħt Mario hija miżżewġa lill-istess George Hyzler. Imma ta’ min jgħid ukoll, biex l-affarijiet ikunu sew, li de Marco ma kienx involut f’biċċa negozju imma biss bħala avukat li qed jagħtih pariri legali.
F’din l-istorja, il-problema tinstab fl-allegat business li Robert Abela għamel ma’ din il-persuna, għaliex wara l-ispin li ngħatat l-istorja tat-transazzjoni bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech, wieħed jistenna l-istess trattament fil-każ tal-Prim MInistru. Għalhekk jien nemmen li waqt li dawn stejjer huma ta’ importanza għall-media, biss ma jistgħux jintużaw biex fuqhom timxi l-etika parlamentari. Dak li dawn l-istejjer qed juru huwa l-mod delettantesk u arbitarju ta’ kif jiġu nvestigati akkużi ta’ ksur ta’ etika.
Għalhekk ukoll qed nistaqsi meta tar-Repubblika ser imorru jikkampjaw u jipprotestaw quddiem Kastilja?
Fuq Eddie u Zeppi il Hafi xse jaghmlu?