Fejn huma l-volontiera fid-Dar Ċentrali?

Blog post minn osservatur politiku

Fi ftit ġimgħat oħra, kollha kemm aħna ser niġu mgħajta biex neżerċitaw id-dmir tagħna u nivvutaw f’elezzjoni ġenerali biex neleġġu lil min irridu aħna bħala deputati tal-parlament u imbagħad il-partit bl-akbar numru ta’ unijiet jifforma gvern. Dan il-gvern ikun qed imexxi pajjiżna fil-ħames snin ta’ wara.

Meta kienet tasal elezzjoni daqstant importanti fil-pajjiż kull partit jibda’ jimla ċ-ċentri tiegħu b’voluntiera li jkunu lesti li joffru ħinhom għall-partit li jemmnu fih. Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, meta illum tara, talba wara l-oħra, biex iħeġġu nies voluntiera jersqu lejn il-Partit, niftakar f’dik il-magna rfinuta u formidabbli li kellu l-Partit Nazzjonalista li kienet l-għira tal-Partit Laburista. Niftakar ukoll f’dawk il-mijiet ta’ voluntiera li kienu jimlew id-Dar Ċentrali u kulħadd jaħdem qisha xehda naħal kollha għaddejjin fuq xogħolhom. Dawn il-voluntiera kienu dawk li jagħtu ż-żejt lill-magna tal-partit biex jintrebbħu l-elezzjonijiet, waħda wara l-oħra. Dawn kienu n-nies li ħadmu kemm felħu fil-partit dak iż-żmien għax kienu jemmnu u jħaddnu l-prinċipji meqjusin bħala l-aħjar għal pajjiżhom. Kemm tbiddlu ż-żminijiet!!

Fejnhom il-voluntiera illum? Fejnhom il-prinċipji li kienu tant b’saħħithom fi żminijiet mhux il-bogħod? Fejnu dak l-orgolju li qed tagħti ħinek għall-Partit Nazzjonalista? Il-magna invinċibbli li kellu l-Partit Nazzjonalista żżarmat jew żarmawha. Il-magna qisha għamlet is-sadid u bdiet iżżaqżaq. Il-voluntiera sparixxew u sparpaljaw. Illum il-Partit Nazzjonalista hu mimli b’nies qishom ġenerali, jew merċenarji li naqsu mir-rispett lejn it-tmexxija ta’ partit politiku jew saru jilagħqu biex forsi jidhru jew jaslu fl-ambizzjonijiet tagħhom.

Il-Partit Laburista ilu l-favorit tal-elettorat minn wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008 li ntrebħet bi żbrixx. Dan jikkonfermah kull stħarriġ li sar matul is-snin. Anke meta l-affarijiet kienu koroh għall-Partit Laburista l-magna tal-Partit Nazzjonalista ma ħadmitx bħas-soltu biex tiġbed l-elettorat lejha. Fil-fatt għalkemm għadda minn diffikultajiet kbar il-Partit Laburista dejjem baqa’ jagħti tkaxkira waħda wara l-oħra mill-2008 sal-lum.

Huwa messaġġ ċar li ilu għaddej snin twal li l-elettorat mhux ser jafda partit li għadu fil-proċess li jirriforma ruħu, għax anke dan il-proċess jidher li twaħħal f’dawn l-aħħar ħmistax-il xahar. Lejn min ser idur lura l-elettorat fil-Partit Nazzjonalista? Lil min ser imorru jgħinu l-voluntiera? La l-Partit Nazzjonalista kompla jagħti vantaġġi interni lil famużi blue heroes u l-klikka tagħhom, la l-partit għadu jidher li hu skjav ta’ Repubblika u s-soċjeta ċivili, la l-partit b’dawn l-atteġġjamenti għadu juri ruħu bħal partit ankrat mad-diviżżjoni, kif tridu jsib l-appoġġ tal-voluntiera li dejjem ħadnu prinċipji sani li ma jinqalbu jew jitgħawġu għal ħadd u qatt?

Il-Partit għadu jgħix f’illużżjoni għax għadu ma ammettix il-ħsara kbira li wettqu dawn il-blue heroes u sħabhom, għadu ma jistax jinfatam minn dik il-ħadma li ħadmuhom dawn l-istess eroj u għadu ma skużax ruħu ma’ kull min ġie mweġġa’. Illum il-Partitarji Nazzjonalisti spiċċaw jħarsu lejn it-tmexxija u jgħidu, kif nistgħu nappoġġjaw persuna jew grupp ta’ nies (dawk li għandu madwaru) li kull ma jagħmlu jrid jgħaddi mill-għarbiel ta’ terzi? X’fiduċja tagħtini tmexxija ta’ din il-kwalita’? Kif tista’ din it-tmexxija tressaq lura l-voluntieri li tant kienu jimlew kull rokna tad-Dar Ċentrali?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *