Jitħassru r-reġistrazzjonijiet tax-xiri tal-artijiet li saru fin-Nadur: konferma oħra li l-Ministeru tal-Intern immexxi mid-dilettanti
F’dawn il-jiem inħareġ avviż legali mill-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, li jġib in-numru 73/22 li permezz tiegħu tħassret ir-reġistrazzjoni tal-artijiet kollha li saret ta’ żona kbira fin-Nadur u din tinkludi l-artijiet li fuqhom hemm kontestazzjoni u huma milquta mill-bawxata li ħadmu flimkien l-arċisqof Charles Scicluna, l-avukat Carmelo Galea, il-Maġistrat Denis Montebello u l-partner tal-maġistrata Rachel Montebello, Patrick Valentino.

Interessanti li permezz ta’ dan l-avviż legali qed titħassar ir-reġistrazzjoni tal-artijiet inkwistjoni li fuqhom hemm kontestazzjoni ġewwa n-Nadur. Kif spjegajt, dawn l-artijiet huma magħrufha bħala tal-Fondazzjoni Navarra u li ġew irreġistrati f’isem kumpanija ta’ Denis Montebello u oħrajn għas-skapitu tar-residenti li leħqu bnew id-djar tagħhom fuq l-artijiet ta’ din il-fondazzjoni. Imma dan l-avviż legali inkluda fih anki parti sostanzjali ta’ reġistrazzjonijiet oħra ta’ propjetajiet li saru fin-Nadur u li ma humiex parti minn din il-kwistjoni. B’hekk ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-propjetajiet ġiet ukoll imħassra.
Waqt li għamel sew il-gvern li ħassar din ir-reġistrazzjonijiet tal-artijiet li għamlet il-kumpanija tal-Maġistrat Montebelllo u sħabu, wieħed irid jara kif din il-biċċa xogħol ser tolqot lill-familji oħra li rreġistraw ix-xiri ta’ propjetajiet f’dan l-aħħar għaxar snin fin-Nadur u li dawn inxtraw b’mod sewwa u ma kienux parti minn din il-kwistjoni marbuta mal-abbazija ta’ Navarra.
Wieħed irid jiftakar li jekk biċċa art tiġi rreġistrata u fi żmien għaxar snin ma jkunx hemm l-ebda kontestazzjoni fuqha, il-liġi tgħid li min irreġistra l-art jakkwista t-titlu assolut.
Xi jfisser għal kollu? Dan ifisser li familji li ma kienux parti minn din il-balbuljata marbuta mal-abbazija ġewwa n-Nadur ser ibatu intortament. Dawn il-familji ser jispiċċaw f’kalvarju legali biex jingħataw titlu fuq l-art li xtraw b’mod legali.
Għalhekk jien wieħed li ngħid li dan hu gvern tad-dilettanti. Dak li kellu jagħmel il-gvern kien li jneħħi r-reġistrazzjoni ta’ propjetajiet marbuta ma’ din l-abbazija u jieqaf hemm. Jiddispjaċini ninnota li din tidher li hija taħwida oħra tal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri. Ġa kien hemm taħwida bil-mod puerili ta’ kif mexxa l-kwistjoni fuq il-ħabs u l-mod inġust ta’ kif neħħa d-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli. Issa għandna din l-istorja.
Jekk kien hemm sidien fin-Nadur li ma kellhomx kontestazzjoni fuq l-art jew il-propjeta’ li xtraw, għaliex iddaħħlu f’din l-istorja? Mela kif il-gvern jaqbad u jneħħi id-dritt tagħhom fuq l-art jew il-propjeta li akkwistaw b’mod legali u leċitu? Nifhem li l-gvern jidħol fuq art li fuqha hemm kontestazzjoni – jiġifieri l-artijiet marbuta mal-abbazija tan-Navarra fin-Nadur wara l-balbuljata tal-arċisqof Scicluna – imma mhux fuq artijiet oħra.
Infakkar li l-arċisqof Scicluna kien ħatar lil Dr. Patrick Valentino (il-partner tal-Maġistrata Rachel Montebello) bħala rettur ta’ din il-fundazzjoni. L-artijiet ta’ din il-fundazzjoni ngħataw bħala ċens perpetwu lill-kumpanija Carravan Limited. Ix-shareholders ta’ din il-kumpanija huma ‘Dei Conti Holdings’ tal-aħwa Stagno Navarra, ‘Carrac Limited’ tal-ex-maġistrat Dennis Montebello u ta’ uliedu Carol u l-maġistrat Rachel Montebello li kif għidt aktar ‘il fuq, kumbinazzjoni hija l-partner ta’ Dr Patrick Valentino, u s-shareholder l-ieħor huwa l-avukat Għawdxi Carmelo Galea. Sadanittant, il-knisja kienet leħqet biegħet artijiet ta’ din il-fundazzjoni lil terzi. Issa dawn li xtraw l-artijiet u bnew sabu li huma ma għandhomx titlu fuq il-propjeta’. Il-kumpanja li l-arċisqof Scicluna għaddielha din l-propjeta’ spiċċat irreġistat din il-propjeta’ fuq isimha.
B’hekk jagħmel sew il-gvern isolvi l-kwistjoni tal-artijiet marbuta mal-abbazija ta’ Navarra imma mhux sew li biex isolvi din il-problema jikkrea problemi lil terzi persuni bla ħtija. Ma nifhimx kif gvern juża l-poteri tiegħu, biex waqt li ġustament isolvi din il-problema, jikkrea problemi lill-persuni oħra.
Kif għamlu, aktar ikkomplikaw l-affarijiet. Li ried jagħmel il-gvern huwa li jdaħħal caution biex jiffriża l-proċess tal-artijiet marbuta mal-abbazija ta’ Navarra fin-Nadur ħalli ma jiskattax it-terminu tal-għaxar snin. Imma biex jagħmel hekk, ma kellux għalfejn idaħħal terzi f’din il-kwistjoni li ma kellhomx u ma għandhom x’jaqsmu mal- artijiet li akkwistat il-kumpanijia tal-ex-Maġistrat Montebello, it-tifla tiegħu Rachel Montebello u sħabhom.
Kif jgħid il-Malti, b’din il-miżura ta’ Byron Camilleri, mal-ħażin spiċċa jeħel it-tajjeb! Verament, ministeru tal-intern immexxi mid-dilettanti.