Il-Poplu Malti għadu jistenna lil Bernard Grech jiftaħ kawża kontra l-ElectroGas
Fit-23 ta’ Settembru 2020, jiġifieri sena u erba’ xhur ilu, Lovin Malta kienet xandret artiklu taħt dan it-titlu “Bernard Grech Will Take ElectroGas Deal To Court If He Is Elected PN Leader”. Dak kien il-perjodu meta Bernard Grech kien qiegħed jippreżenta ruħu bħala kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Illum kważi sittax-il xahar wara għadna nistennew biex naraw lil Bernard Grech imur il-qorti u jiftaħ din il-kawża kif kien wiegħed. Biss mid-dehra lanqas sa hawn ma wasal u ħalla kollox itir mar-riħ. Żgur li sa issa għadu ma żammx kelmtu fuq din il-wegħda.
Jirriżulta b’mod ċar li Bernard Grech kien qal hekk dak iż-żmien biex jimpressjona u biex jgħid li dak li kien kapaċi jagħmel Adrian Delia, kapaċi jagħmlu hu wkoll. Mela dak kien ftit paroli fil-vojt min-naħa ta’ Bernard Grech biex jimpressjona lil min kien ser jivvotalu biex taparsi juri li kien kapaċi anke hu li jiftaħ kawża l-qorti, fuq l-Electrogas bħal ma għamel Delia fuq l-isptarijiet.
Fil-kampanja tiegħu ta’ Kap kien qal, li l-ewwel ħaġa li jagħmel jekk isir Kap, kien li jieħu lill-Electrogas il-qorti fuq il-kuntratt li kienu rebħu. Hu kien qal dak iż-żmien li l-Maltin u l-Għawdxin iridu jilliberaw rwieħom minn dan il-piż ta’ kuntratt li kien irriżulta mill-korruzzjoni. Kien kompla li dan il-kuntratt suppost kellu jkun proġett maġġuri tal-Prim Ministru Joseph Muscat imma spiċċa monument ta’ mistħija u korruzzjoni.
Illum, sittax-il xahar wara, nistaqsu lil Dr Bernard Grech, meta ser tinfetaħ il-kawża kontra l-Electrogas? Possibbli jekk Dr Grech ma kellux il-kuraġġ jagħmilha, ma sab il-ħadd minn dawk l-avukati kollha li għandu ma’ dwaru biex isostnuh u jiftħu il-kawża miegħu? Possibbli ma sab lil ebda avukat li tant tħabat biex ipoġġih Kap, li jkun spalla ma’ spalla miegħu biex jiftħu din il-kawża fuq dan il-kuntratt, li skond hu, hu tal-mistħija u korrott?
Anke din kienet bluff ħoxna ta’ Bernard Grech. Infakkar li l-kuntratt tal-ElectroGas kien qed jintuża biex jitħammeġ Adrian Delia, peress li dan il-kuntratt kien assoċjat ma’ Yorgen Fenech u Yorgen Fenech ġie assoċjat ma’ Adrian Delia. Din kient l-istrateġija tal-familja Caruana Galizia u ta’ Repubblika li riedu lil Bernard Grech mexxej tal-Partit Nazzjonalista. Ara issa ma għadhomx jitkellmu fuq l-ElectroGas. Jekk verament dan hu kuntratt korrott, għaliex ma marrux il-qorti – kif għamel Adrian Delia fuq il-kuntratt tal-Vitals – biex iwaqqgħuh?
Mela din l-istorja tal-ElectroGas kienet maħluqha u użata waqt il-kampanja biex timpressjona lil membri tal-Partit biex ma jivvutawx lil Adrian Delia. Imbagħad wara li ntlaħaq l-iskop tagħha, ġiet mormija u ma baqgħux ibeżżgħu lin-nies biha.
Bernard Grech irid jirrejaliżża li kif in-nies ta’ madwaru ħadmu biex ineħħu lil Adrian Delia, għada ser jaħdmu biex ineħħu lilu. Fuq kollox jafu, bħal ma uriet din l-istorja li Bernard Grech mhux xi avukat kapaċi li jista’ jmur il-qorti – bħal ma għamel Adrian Delia fuq il-Vitals. Li kien Bernard Grech avukat ta’ stoffa, kien jiftaħ hu din il-kawża. Biss milli jidher l-anqas kien kapaċi kif jgħidu bl-Ingliż ‘to smell a rat’. Għaliex f’daqqa waħda, kollox intesa dwar l-ElectroGas u din ma għadhiex tissemma fil-media. Mela jew ma kienx hemm korruzzjoni wara l-ElectroGas u din intużat biss biex tkisser lil Adrian Delia. Jekk kien hemm korruzzjoni, dawn irnexxilhom jixtru lill-kritiċi għaliex la l-gazzetti u l-anqas ta’ Repubblika jew il-familja Caruana Galizia ma għadhom jitkellmu dwarha u jgħidu li Daphne Caruana Galizia inqatlet minħabba l-ElectroGas!