Il-każ tat-tifel ta’ Fearne: jikxef veritajiet aktar moħbija li dan hu gvern tad-dilettanti
Bħalissa għandna il-każ tat-tifel tal-Ministru Chris Fearne fl-aħbarijiet. Dan għadu prattikament kemm iggradwa spiżjar fl-2017 u ġa spiċċa f’managerial position li normalment, persuna impjegata mal-gvern tieħu numru ta’ snin biex tilħaq f’dik il-pożizzjoni. Dan ifisser li t-tifel ta’ Fearne ser jispiċċa jmexxi persuni li għandhom esperjenzi aktar minnu. Dan iwassal għal tiżgwid intern fl-Awtorita’ li tirregola l-Mediċini għaliex dan qed ifisser li biex leħaq f’dik il-pożizzjoni ħa post ta’ oħrajn li kienu ilhom hemm u jafu aktar minnu dwar is-suġġett.
Dak li nista’ ngħid li dan ma hux każ iżolat. Dan hu każ li qed isir normali imma ġara li dan tela’ fil-wiċċ għaliex hu inzerta t-tifel ta’ ministru. Hemm persuni oħrajn, marbuta mill-qrib mal-Partit Laburista li spiċċaw fi tmexxija għolja tal-awtoritajiet li waqqaf il-gvern sempliċiment għaliex huma, jew il-ġenituri tagħhom huma tal-qalbha u b’hekk spiċċaw b’salarju ta’ erbgħin 40,000 fis-sena jew aktar meta għadhom ħerġin mill-universita’. Ħadd ieħor jieħu s-snin biex jilħaq dak is-salarju. U dawn ħadu dan il-post, a skapitu ta’ oħrajn, kemm Nazzjonalisti u Laburisti, li ma kellhom lil ħadd min jimbuttahom.
X’inhu ir-riżultat ta’ dan kollu? Illum għandna pajjiż immexxi bid-dilettanti. Dan qed jagħmel ħsara lill-pajjiżna. Imma l-gvern jista’ jibqa’ għaddej għaliex ma hemmx oppożizzjoni. Min hu tajjeb u qiegħed maċ-ċivil jew mal-awtoritajiet u jara dawn il-ħniżrijiet qed jitlaq u jmur għar-rasu jew jaħdem ma’ firms u mbagħad il-gvern qed jispiċċa jitlob lil dawn l-istess firms biex jagħtuh il-konsulenzi meta dawn il-pariri ta’ esperti kienu qed jingħataw fi ħdanu. Imma għaliex dawk tajbin ma ġewx rispettati, dawn telqu għaliex ma felħux aktar. Dan kollu għaliex ma kienux tal-qalbha. Spiċċaw ma’ firms li qed iħallsuhom aktar u llum il-gvern irid imur għandhom u jitlobhom pariri li qed jispiċċa jħallas għalihom il-belli liri.