Il-Partit Nazzjonalista qed jibgħat għall-ex-Nazzjonalisti li qalbu Lejber biex jikkonvinċihom jiġu lura
Dan is-sit ġie ikkuntattjat minn numru ta’ ex-Nazzjonalisti li qalbu mal-Partit Laburista. F’dawn il-jiem, dawn bdew jiġu kkuntattjati mit-tielet sular tad-Dar Ċentrali fejn qed ikunu mistiedna biex jiltaqgħu mal-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Jidher ċar li sar tfittix biex ikun magħrufa aħjar dawk l-ex-Nazzjonalisti – b’mod partikolari dawk li huma mitqiesha bħala familji kbar – fejn il-preferenza tal-vot tkun waħda kollettiva – biex jiġu lura.
Din l-informazzjoni ġiet ikkollaborata minn sorsi ġewwa d-Dar Ċentrali fejn qaluli l- Partit Nazzjonalista rnexxilu jakkwista informazzjoni dwar ismijiet ta’ nies li għandu l-Partit Laburista li jqishom bħala ex-Nazzjonalisti u li llum qalbu u qed jivvutaw Lejber. B’hekk it-target huwa li l-PN jibda jibgħat għal dawn in-nies u jlaqqagħhom ma’ Bernard Grech ħalli jkkonvinċihom jiġu lura.
Sorsi fid-Dar Ċentrali komplew jgħiduli li wara din l-istrateġija hemm Christian Peregin. Infakkar, li din kienet l-istrateġija li ġie wżata minn Joseph Muscat qabel l-2013. Id-differenza kienet li Joseph Muscat kien ġabar lista ta’ Nazzjonalisti li kienu mweġġgħin jew imdejqin bil-gvern ta’ Gonzi u kien jibgħat għalihom. Dan kien ġabarha billi ikkrea network permezz ta’ Nazzjonalisti li bdew jagħtuh informazzjoni dwar dak li kienu disappuntati jew imweġġgħin personalment minn azzjonijiet tal-Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 u b’hekk ma kienux ħerġin jivvutaw. Muscat kien ikkonvinċihom biex jivvutaw lilu.
Milli jidher ħafna minn dawn l-ex-Nazzjonalisti li ġew ikkuntattjati ma humiex imdejqin mill-gvern ta’ Robert Abela tant li qed jirrifjutaw li jiltaqgħu ma’ Bernard Grech. Hemm min qallhom ċar u tond, meta ġie kkuntattjat li ma għadux interessat jerġa’ jivvota lill-Partit Nazzjonalista. Għalhekk ma għandu l-ebda interess imur lura.
U hawn fejn qed tfalli l-istrateġija ta’ Bernard Grech u t-tim tiegħu. Jekk hemm sezzjoni tal-votanti Laburisti li żgur mhux imdejqa huma dawk li qasmu t-triq. Din hija sezzjoni li dan l-gvern l-aktar li jibża’ għaliha. Il-pontijiet li l-PN irid jibni huwa mal-Laburisti mweġġa’ u mdejqa. Jekk mhux ser ikun kapaċi jibni dawn il-pontijiet inutli jibda jikkuntattja dawk in-Nazzjonalisti li qalbu idejhom. Inutli joqgħod jagħmel listi tagħhom – kif għamel Joseph Muscat. Minbarra li l-istrateġija ta’ Muscat kienet differenti – il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jibni strateġija ġdida, għaliex l-istrateġija li qed juża hija waħda, kif ngħidu bil-Malti, ħobż mimgħod.
Fuq kollox, għad hemm Nazzjonalisti mweġġgħin li ma saritx rikonċiljazzjoni magħhom. Minn din ir-rikonċiljazzjoni kellu jibda l-ewwel il-Partit Nazzjonalista. L-ewwel trid tirranġa darek u fost niesek – dawk li allavolja ġġielidt magħhom, xorta għażlu li jibqgħu fil-partit. L-agħar li tagħmel huwa li tieħu lil dawn in-nies for granted. Suppost l-istrateġista ewlieni tal-PN jaf, għaliex kien parti mir-raba sular tal-Partit Laburista, li Joseph Muscat, qabel ma beda jibgħat għan-Nazzjonalisti mweġġa’, neħħa kull sens ta’ orgolju li kellu u ra kif għamel u rranġa ma’ dawk il-Laburisti li l-partit li tiegħu kien iġġieled magħhom matul is-snin. Wara mbagħad mar għal dawk tan-naħa l-oħra.