Wara disa’ snin fl-oppożizzjoni, is-sondaġġi kollha juru telfa kolossali għall-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Lejlet elezzjoni ġenerali, is-sondaġġi għadhom juru riżultati diżastrużi għall-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija tiegħu. Minflok juri li qed jinkwieta, tingħata spin bħal li kieku qisu ma ġara xejn. Ma jistax ikun li meta Partit Nazzjonalista għandu internament l-appoġġ ta’ kulħadd u fuq kollox għandu l-għajnuna tar-ribelli, li kienu fil-maġġoranza, jibqa’ ma jottenix riżultati favorevoli.

In-numri qed jitkellmu waħedhom. Dawn huma sondaġġi lejlet elezzjoni ġenerali meta suppost il-votanti jkunu ġa ddeċidew x’se jagħmlu bil-vot tagħhom. Kemm ser iddum tgħid li sondaġġ huwa ritratt tal-ġranet meta jkun sar? Kemm ser indumu nemmnu u naċċettaw l-iskużi li l-PN qed javvanza? Is-sewwa hu li din ser tkun elezzjoni fejn il-Partit Nazzjonalista, wara disa’ snin fl-oppożizzjoni, ser jieħu tkaxkira oħra papali.

Meta ftit iktar minn sena ilu kien hemm sondaġġi li taw indikazzjonijiet simili tal-lum, saret rivoluzzjoni sħiħa fil-Partit Nazzjonalista. Kienu dawn it-tip ta’ riżultati li ħeġġew irjus sħan, mogħnija b’għira liema bħala, biex għamlu ħilithom biex itajjru lill-kap tagħhom. Huma dawn l-istess numri li ħeġġew lill-maġġoranza tal-grupp parlamentari biex jivvutaw u jħeġġu lil min jivvota biex jitwarrab il-kap tagħhom.

Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista, li jaf li riesaq lejn tkaxkira papali oħra, jibqa’ qisu skantat u jaċċetta s-sitwazzjoni diżastruża li qiegħed fiha, anzi jmur jgħid lill-eletturi tiegħu li qed javvanza? Fejnhom dawk ir-ribelli li minħabba numri koroh fis-surveys dak iż-żmien saħħew il-kampanja tagħhom kontra l-kap u issa qishom ċassi? M’huma ser jagħmlu xejn?

Kemm hu sewwa li issa jibilgħu lsienhom u jgergru biss bejniethom u ma joħorġux jgħidu pubblikament li l-partit, li fuq kollox huma jippreżentaw, ma akkwista xejn billi kien hemm il-bidla tal-kap. Nażżarda nikteb li kien hemm iljun u minfloku għamlu qattusa fidila li ma tista’ qatt tlaħħaq mal-magna tal-Partit Laburista. Kemm hu sewwa jibqgħu gallarija u ma jammettux li ħadu falza stikka kbira meta ġġieldu biex ipoġġu lil Bernard Grech minflok Adrian Delia!

One thought on “Wara disa’ snin fl-oppożizzjoni, is-sondaġġi kollha juru telfa kolossali għall-Partit Nazzjonalista

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *