Qed joħroġ ċar għaliex Dr. Godfrey Farrugia tneħħa minn Ministru tas-Saħħa: biex ikun jista’ jsir il-kuntratt fażull mal-Vitals Global Healthcare
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
Meta taqra dak li ħiereġ fil-media dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet, bilfors ikollok tistaqsi kif kien possibli li l-kabinett tal-ministri ta daqshekk dritta lill-Vitals Global Healthcare (VGH) u ħadd ma tniffes? Forsi jkun aħjar li jingħad li ħadd ma seta’ jitniffes.
Lejn l-aħħar tas-sena 2016, il-VGH permezz tad-direttur tagħha Ram Tumuluri kienet għaddejja minn fażi ta’ aspettazzjoni kbira. Infakkar li l-midja kienet tat coverage kolossali lill-ftehim mal-VGH. Dan il-coverage kien ingħata wara li l-istess midja kienet ġiet xprunata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tas-Saħħa.
Tajjeb li wieħed jiftakar kif, biex setgħet ħadet dik il-predominanza kollha bl-akkwist tal-konċissjoni li kienet akkwistat biex tmexxi it-tliet sptarijiet pubbliċi ta’ importanza strateġika fis-servizz tas-saħħa (inkluż l-uniku sptar pubbliku f’Għawdex), il-VGH kellha strateġikament tistenna l-bidla infami li seħħet fil-Ministeru tas-Saħħa. Minħabba raġuni arbitrarja u pwerili għall-aħħar, it-Tabib kollega Godfrey Farrugia kien safa’ umiljat meta kien itteħidlu ħesrem id-dekasteru tas-Saħħa sabiex kien ingħata lil min kien jidher li kellu aktar ‘grinta jew stoffa’ biex suppost jinnegozja mal-konċessjonarju magħżul permezz ta’ modalita’ griża u suspettuża għall-aħħar.
Ir-riżultat tas-suppost negozjati li kellhom isiru kellhom bħala intenzjoni nobbli li titjieb l-infrastruttura tal-isptarijiet pubbliċi sabiex tintlaħaq b’mod aktar effettiv l-aspettattiva tal-poplu Malti (partikolarment tas-servizz tas-saħħa u ta’ kura akuta lill-Għawdxin). Issa nafu ben sew kemm kien fallut anke grazzi għall-impenn personali mastizz u kuraġġjuż ta’ Dr Adrian Delia.
Possibbli li l-Ministru tas-Saħħa ta’ dik il-ħabta ma kienx diġa’ nduna kemm il-proċess kollu fl-akkwist tat-treġija tat-tliet sptarijiet mill-Vitals Global Healthcare kien fażull u vvizzjat? Dan ir-ritratt hawn mehmuż juri biċ-ċar kemm il-VGH kienet tiġi mfaħħra lokalment sabiex tingħata impressjoni li kollox kien qiegħed jitfassal u jseħħ skont il-ftehim milħuq (anke jekk tużżani ta’ paġni sħaħ tal-kuntratt mal-VGH kienu nżammu mistura u dan b’ingann intenzjonat kontra l-poplu Malti).
Innutaw kif il-Ministru tas-Saħħa dak iż-żmien kien jospita u jagħti l-patroċinju tiegħu għall-konferenzi stampa u attivitajiet kummerċjali u networking flimkien ma’ assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-kura tas-saħħa. Jidher ċar li l-Ministru tas-Saħħa appuntat ġdid minflok Dr Godfrey Farrugia, ma kienx iħossu skomdu jew anke possibilment imbarazzat jiġi mistieden jidher u jindirizza lill-pubbliku flimkien mad-Direttur tal-VGH in kwestjoni.


Norm naghti tort lil PN li ma Induna b’xejn.