Il-Partit Nazzjonalista kien ilu jaf ġimgħa bis-survey tal-Malta Today
Jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jaf ġimgħa bis-survey tal-Malta Today. Dan joħroġ ċar għaliex fl-aħħar ġimgħa, id-deputat Nazzjonalista Chris Said għamilha ċara kull fejn kien, speċjalment fil-Parlament, li ħiereġ survey li juri avvanz tajjeb għal Partit Nazzjonalista.
Dan jikkonferma l-analiżi li għamilt li hemm qrubija bejn Saviour Balzan u l-Partit Nazzjonalista. Waqt li s-survey ta’ Marmara sar għall-gazzetta li hija marbuta ma’ partit politiku, il-Malta Today mhux suppost marbuta ma’ ħadd. Biss jidher ċar li l-Malta Today, wara li għamlet kampanja kontra Adrian Delia, issa ntefgħet bi ħġarha ma’ Bernard Grech.
Infatti, il-Malta Today għamlet fuq il-faċċata ta’ quddiem artiklu pożittiv ħafna għall-Partit Nazzjonalista anki jekk ma kien hemm xejn posittiv fl-istorja. Qalet li d-distakk naqas b’10,000 vot fi tliet ġimgħat.
Il-fatt li kien hemm deputat jew deputati li qed jitkellmu fuq survey pożittiv jikkonferma l-analiżi ta’ dan is-sit li l-Malta Today qed taħdem fil-qrib mal-Partit Nazzjonalista.
Imma kif spjegajt f’artikli oħra, għalkemm pruvaw jitfgħu z-zokkor fuq il-mediċina indirizzata lill-Partit Nazzjonalist u lil Bernard Grech, it-togħma tal-mistura xorta tinħass jekk wieħed iħares sewwa lejn in-numri.
Jekk wieħed janaliżża n-numri sewwa xorta jsib li d-distakk, għalkemm mhux mistqarr mill-Malta Today, huwa ta’ 41,000 vot. Dawn huma numri nkwetanti ħafna għall-Partit Nazzjonalista. L-uniku sostenn li għandu l-Partit Nazzjonalista huwa li Robert Abela ma ħabbarx l-elezzjoni. Jekk ma jħabbarix illum, ikun ifisser li l-elezzjoni ser issir għall-Ġunju. Dan hu ta’ vantaġġ għall-PN għaliex jekk jaħdem sew inaqqas il-gap jista’. Anki, jekk Robert Abela qed jaħseb bil-maqlub u qed jaħdem aktar bil-għaqal biex joħroġ lill-Laburisti kollha jivvutaw..
Imma l-Partit Nazzonalista ma jistax jibqa’ jgħaddas rasu fir-ramel u jippruva jagħti interpretazzjonijiet li ma jkunux veritiera. Anzi bl-interpretazzoni li l-PN qed jagħti lil dawn is-surveys tista’ twassal biex tħarrax l-elettorat Laburista li ma kienx ser joħroġ biex jivvota ħalli joħroġ u jitfa’ l-vot tiegħu. Infatti, il-bieraħ stess, Robert Abela ħa din l-okkażżjoni u waqt id-diskors tiegħu fl-Imqabba ma qalx li l-Partit Laburista ser jerbaħ l-elezzjoni imma li ż-żewġ partiti qed jitilqgħu mill-istess pożizzjoni u għalhekk kull vot jgħodd. Robert Abela jaf li ser ikolu rebħa komda u li l-PN ser jitlef imma xorta qed jiġġieled għall-voti kollha.
Fuq kollox, in-numri li ħarġu mis-survey tal-Malta Today xorta wrew li l-affarijiet mhux qiegħdin sewwa. Kull ma għamel il-PN huwa li naqqas id-distakk minn tliet xhur ilu ‘l hawn. Imma l-aqwa li ġiet maħluqa uforija fost l-elettorat Nazzjonalista li ġewwa rebħa. Biss tista’ tipprova tilgħab bil-kliem biex tgħatti l-kruha offruta mill-istess survey. Fil-fatt jekk taqra t-titlu tal-faċċata mill-ewwel wieħed jgħid li avvanza ħafna l-Partit Nazzjonalista fi tliet ġimgħat biss. Allura jagħmillek kuraġġ. Imma kif tanaliżża n-numri b’lenti profonda u ċara tinduna li qed jippruvaw jostru l-fatti b’ħafna kliem sabiħ imma mhux veritier.
Araw kemm kien ħerqan Chris Peregin biex jgħidilna għax emmen dak li hemm miktub fil-faċċata tal-Malta Today. Tgħid anke dan kien jaf x’se tgħid il-gazzetta fil-faċċata tagħha? Tgħid hemm xi ħaġa li aħna ma nafuhiex bejn il-Malta Today u l-Partit Nazzjonalista ħalli l-istess partit ma jidhirx daqshekk minn taħt?

Nistennew risposta min Salvu Balzan.